Internazzjonali

Imut l-attur Martin Landau ta’ Mission Impossible

Martin Landau attending the Vanity Fair Oscar Party at the Wallis Annenberg Center for the Performing Arts in Beverly Hills, Los Angeles, CA, USA, on February 26, 2017. (Dennis Van Tine/Abaca Press/TNS)

 

L-attur Amerikan Martin Landau, li jibqa’ magħruf għall-karattru tiegħu fis-sensiela televiżiva Mission Impossible u li kien anki magħruf  għar-rwoli f’diversi films tas-snin sittin, miet f’Los Angeles, fl-età ta’ 89 sena.

Dick Guttman, il-pubbliċista ta’ Landau, ikkonferma l-mewta tal-attur veteran li, fl-1995, kien rebaħ il-Premju Oscar għal Best Supporting Actor għall-interpretazzjoni  Lugosi (l-attur leġġendarju tal-ewwel films tal-orrur) fil-produzzjoni Ed Wood.

Ir-rapporti qalu li Landau miet minn ‘kumplikazzjonijiet li ma kenux mistennija’ wara li hu kien iddaħħal l-isptar.

Produzzjonijiet oħra li Landau kien involut fihom huma Space 1999 ( għat-televiżjoni) u versjoni partikulari ta’ The Adventures of Pinocchio.

Martin Landau kien imfaħħar ukoll għar-rwol tiegħu fil-film North by Northwest tad-direttur Alfred Hitchcock, iżda hu ma kienx aċċetta r-rwol ta’ Mr Spock fis-sensiela Star Trek u li mbagħad kien għadda lill-attur ( u ħabib ta’ Landau) Leonard Nimoy.