Futbol Sport

Juventus jippreżentaw lil Douglas Costa

Douglas Costa se jilgħab fl-Italja għall-ewwel darba

Wara li l-ġimgħa l-oħra ntlaħaq qbil għat-trasferiment, illum Douglas Costa ġie preżentat bħala plejer ġdid ta’ Juventus. Costa ppreżenta ruħu b’għan ċar dak li jgħin lit-tim jilħaq it-tragward tar-rebħ taċ-Champions League.

Costa li sa issa għadu qatt ma rebaħ din il-kompetizzjoni, qal li għandu s-sensazzjoni li qiegħed fl-iskwadra l-ġusta fil-mument it-tajjeb. Hu qal li flimkien ma’ Higuain se jagħmlu suċċess fl-attakk.

Douglas Costa se jkun qed jilgħab fil-kampjonat tas-Serie A għall-ewwel darba wara l-esperjenza fil-Bundesliga. “Hu kampjonat perfett għalija u jogħġobni ħafna. Nittama li nidra malajr anki jekk ma jogħġobnix il-kuntatt fiżiku u fl-Italja hawn ħafna. Tkellimt ma’ Alex Sandro għaliex lagħbna flimkien man-nazzjonal.” Costa li lagħab mal-eks plejer ta’ Juventus Arturo Vidal ma’ Bayern Munich, qal li Vidal hu ħabib tiegħu u qalli li Juventus hu klabb b’saħħtu b’ħafna partitarji u sostna li segwa l-parir tiegħu.

L-akkwist il-ġdid ta’ Juventus qal li din l-iskwadra tirbaħ dejjem u jemmen li jista’ jitjieb. Hu qal li wasal fil-post il-ġust fil-mument ġust biex itejjeb il-kwalitajiet tiegħu, filwaqt li sostna li ma telaqx lil Bayern Munich minħabba l-kowċ Carlo Ancelotti. Hu żied jgħid li ried jilgħab aktar b’kontinwità u skont hu kien l-aħjar mument biex jitlaq għal fatt li s-sena d-dieħla hemm it-Tazza tad-Dinja u jrid jilgħab aktar biex ikollu ċans jintgħażel.