Lokali

Konferma li l-allegazzjonijiet ta’ Joseph Muscat kienu foloz

Iż-żewġ rapporti tal-Awditur Ġenerali – dwar l-esproprjazzjoni tal-proprjetà fil-Bajja tal-Fekruna f’San Pawl il-Baħar u dwar trasferiment ta’ proprjetà fi Spinola Road f’San Ġiljan – jikkonfermaw li l-allegazzjonijiet ta’ Joseph Muscat fil-konfront tad-deputat Jason Azzopardi għal dawn l-aħħar erba’ snin kienu foloz mill-bidu sal-aħħar.

Iż-żewġ rapport, li kienu ppreżentati fil-Parlament, jikkonfermaw li fl-ebda ħin u fl-ebda mument ma kien hemm intervent politiku u li l-proċess segwit kien wieħed li jmur lil hinn mill-indħil politiku. Anzi, ż-żewġ proċessi in kwistjoni saru biss bejn il-privat u ċ-Ċivil kif jiġri f’kull każ ta’ esproprjazzjoni u trasferiment ta’ proprjetà.

Dawn iż-żewġ rapporti jikxfu l-maskra ta’ Joseph Muscat li b’sens ta’ tpattija għar-rapporti dwaru u l-Ministri tiegħu, gideb u għamel allegazzjonijiet foloz fil-konfront tiegħi. Il-verità tibqa’ li l-istess Awditur Ġenerali li llum qed jagħti ċertifikat pożittiv għall-ħidma ta’ Jason Azzopardi bħala Segretarju Parlamentari, sab lill-Ministru Konrad Mizzi ħati ta’ indħil politiku fix-xiri taż-żejt li wassal għal telf ta’ €14-il miljun, kif ukoll għall-kollużżjoni fl-iskandlu ta’ Gaffarena li fih kien involut dak li llum hu Ministru Michael Falzon.

Ir-rapport tal-Awditur Ġenerali dwar l-esproprjazzjoni tal-proprjetà fil-Bajja tal-Fekruna f’San Pawl il-Baħar

Dan ir-rapport jikkonferma dak li dejjem qal Jason Azzopardi, li kien hemm skop pubbliku għal din l-esproprjazzjoni u li allura kienet ġustifikata. Ir-rapport ifaħħar ukoll il-pass li ttieħed mill-Gvern biex jitwaqqaf kumitat apposta biex in-negozjati dwar dan il-każ ma jsirux mill-politiċi jew mill-uffiċjali tad-Dipartiment tal-Artijiet, iżda minn kumitat maħtur apposta. Kif qal l-Awditur Ġenerali, dan il-kumitat assigura trasparenza akbar u provda salvagwardji addizzjonali għall-integrità ta’ dan il-proċess. Ir-rapport tal-Awditur Ġenerali jfaħħar ukoll il-kontabbilità li sab fil-proċess kollu.

Ir-rapport tal-Awditur Ġenerali dwar it-trasferiment ta’ proprjetà fi Spinola Road f’San Ġiljan

Filwaqt li r-rapport tal-Awditur Ġenerali jirrikonoxxi nuqqasijiet amministrattivi tul il-proċess, jikkonferma li ma kien hemm ebda indħil politiku. Fil-fatt, jirriżulta li l-proċess kollu kien influwenzat minn żball notarili li sar fl-1975. Jekk xejn, għal diversi drabi matul ir-rapport, l-Awditur Ġenerali jirrimarka li l-politiċi ma ngħatawx id-dettalji neċessarji u għalhekk ma kellhomx l-informazzjoni korretta. Mhux talli hekk, talli l-Awditur Ġenerali jikritika l-amministrazzjoni preżenti għall-fatt li sal-ġurnata tal-lum, għadha ma ġabritx €309,000 li huma dovuti lill-kaxxa ta’ Malta.