Il-Prim Ministru Taljan, Paolo Gentiloni, qal li l-kundizzjonijiet, għalissa, mhumiex adatti biex l-Italja tixpruna abbozz li jagħti ċ-ċittadinanza lit-tfal tal-immigranti.
Il-liġi għandha tikkonferma ċ-ċittadinanza Taljana għal xi 800,000 persuna wara li damet is-snin biex tasal quddiem il-kamra ta’ fuq (is-Senat) tal-Parlament, f’Ruma.
Il-partiti tal-lemin Taljani laqgħu tajjeb id-deċiżjoni biex l-abbozz jinżamm lura, iżda l-gruppi li qed jiddefendu d-drittijiet tal-immigranti għamluha ċara li jinsabu ‘diżappuntati ferm’ dwar l-iżvilupp.
Paolo Gentiloni qal li ‘din xorta waħda hi liġi xierqa u ġusta’ iżda spjega li ż-żmien ma kienx qed jippermetti u li l-abbozz qiegħed jitressaq ‘il quddiem għall-ħarifa.
Filwaqt li Gentiloni semma l-problemi mad-deadlines fil-programm tas-Senat, l-akbar problema tiegħu tinvolvi l-kisba ta’ appoġġ politiku, meta l-kriżi tal-immigranti fl-Italja saret kwistjoni taħraq għall-aħħar.
S’issa, din is-sena, ‘il fuq minn 88,000 immigrant qasmu l-Mediterran lejn l-Italja, b’aktar minn kwart minnhom jaslu fil-pajjiż matul ix-xahar ta’ Ġunju.
//= $special ?>