Lokali

In-Nazzjon 17.07.2017

In-Nazzjon jagħti prominenza l-messaġġ li għamel il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil ilbieraħ dwar l-importanza li l-Partit Nazzjonalista jibqa’ t-tarka ta’ dak li hu sewwa u dan biex fil-pajjiż terġa’ tibda ssaltan il-ġustizzja. Dan il-messaġġ għamlu hekk kif illum jibdew jintlaqgħu n-nomini għall-elezzjoni ta’ Kap ġdid tal-Partit Nazzjonalista.

Ir-ritratt fl-ewwel paġna ta’ In-Nazzjon juri wieħed mill-organizzaturi tal-ġostra li saret ilbieraħ fl-Imsida, tradizzjoni li l-komunità tal-Imsida żammet ħajja fil-ġimgħa ta’ qabel il-festa tal-lokalità.

Stejjer oħrajn fil-ġurnal tal-lum jittrattaw ir-reazzjoni tal-Korp tal-Pulizija u tal-FIAU għad-dikjarazzjonijiet serji li għamel eksuffiċjal tal-FIAU fil-gazzetta The Sunday Times tal-bieraħ.

Bħal kull nhar ta’ Tnejn f’In-Nazzjon, Oliver Friggieri jkompli janalizza l-iżviluppi u l-isfidi tas-soċjetà Maltija u jittratta llum l-isfidi tal-gvern modern Malti u r-riżultat elettorali.

Analiżi  oħra interessanti hi tal-espert Benoit Durand, partner f’RBB Economics, waħda mill-ikbar konsulenzi ekonomiċi speċjalizzati li jiffokaw fuq il-liġi tal-kompetizzjoni, u li jittratta fid-dettal kif pożizzjoni dominanti tista’ twassal għall-prezzijiet ogħla għall-konsumaturi.