Wara 10 snin ta’ battalja fil-Qrati, missier ma nstabx ħati li abbuża sesswalment minn bintu ta’ erba’ snin.
Il-każ imur lura għal Marzu 2006 meta waqt l-aċċess ma’ missierha, it-tifla qalet li mhux tħossha komda u riedet tmur lura għand ommha.
Skont ommha, it-tifla kenet tidher kwieta u magħluqa fiha nnifisha u kien biss f’Ottubru ta’ dik is-sena li rrappurtat is-suspetti tagħha lill-pulizija. F’Dicembru 2006, il-pulizija arrestat lir-raġel u fl-2007 bdew proċeduri kriminali kontrih fejn kien akkużat fost oħra li kkorrompa lil bintu u li żammha kontra l-volonta’ tagħha.
B’kollox kien hemm 25 persuna li xehdu fil-każ, inkluż it-tifla. Permezz ta’ video conference, it-tifla tkellmet dwar logħob tat-tabib li kienu vera koroh.
Iżda x-xhieda tat-tifla kienet waqfet ħesrem meta t-tifla, flimkien ma’ ommha ħalliet Malta. L-Omm kellha diversi proċeduri kriminali pendenti kontriha.
Fis-sentenza tiegħu, il-Maġistrat Joe Mifsud, li kien assenjat il-każ f’Lulju 2015, ikkundanna d-diversi nuqqasijiet fis-sistema ġudizzjarja, fosthom id-dewmien żejjed bin-numru esaġerat ta’ xhieda.
Nuqqasijiet oħra kienu li d-difiża ma kellhiex iċ-ċans li tagħmel kontroeżami tat-tifla. Agħar minn hekk l-istess xhieda li saret mit-tifla permezz ta’ videoconference tħassret wara sentejn sabiex tkun irrekordjata xhieda oħra.
Il-Qorti irrimarkat ukoll li wieħed irid joqgħod attent ħafna meta jsiru allegazzjonijiet ta’ abbuż ta’ tfal li jkunu qed isiru f’kuntest ta’ separazzjoni.
Il-kompjuters tal-akkużat kienu eżaminati u ma nstab l-ebda materjal relatat mal-abbuż tat-tfal.
Psikologa tal-Aġenzija Appoġġ kienet xehdet li minkejja diversi sessjonijiet, hi ma setgħetx tasal għal konklużjoni u kienet irrakkomandat li l-missier għandu jingħata aċċess għal bintu taħt superviżjoni għaliex jekk l-allegazzjonijiet kienu jirriżultaw li huma foloz, ir-raġel kien ikun inġustament imċaħħad minn bintu
Il-Qorti qiesed il-fatt li d-dikjarazzjonijiet tal-akkużat kienu konsistenti u kkonkludiet li l-prosekuzzjoni ma rnexxielhiex tipprova l-każ tagħha lil hinn minn kull dubju raġjonevoli.
L-Avukati Stephen Tonna Lowell u Joseph Giglio dehru għall-akkużat.
//= $special ?>