Futbol Sport

Sergio Romero jġedded il-kuntratt ma’ Manchester United

Sergio Romero ffirma kuntratt ġdid ta' erba' snin

Sergio Romero se jkun qed jibqa’ ma’ Manchester United wara li ffirma kuntratt ta’ erba’ snin. Il-ftehim il-ġdid ta’ Romero jinkludi wkoll għażla li jibqa’ mar-Red Devils għal sena oħra.

Il-gowlkiper ta’ 30 sena kien ingħaqad ma’ Manchester United mingħand Sampdoria fl-2015 u minn dakinhar lagħab 28 darba fejn kellu l-irwol ta’ gowlkiper ta’ riserva għal David De Gea,

Minkejja dan, l-internazzjonali Arġentin lagħab 12-il logħba għal Manchester United fl-Europa League l-istaġun li għadda fosthom il-finali li United rebħu kontra Ajax 2-0.

“Ninsab kuntent li ffirmajt kuntratt ġdid. Min ma jkunx irid ikun mal-akbar klabb fid-dinja? Għandna gowlkipers tajbin u dejjem nitgħallmu minn xulxin,” qal Romero. Hu kompla jgħid li qed iħares li jgħin lit-tim jibni fuq is-suċċess tal-istaġun li għadda.

Il-manager ta’ Manchester United Josè Mourinho żied jgħid li Romero hu gowlkiper tajjeb u persuna professjonali. Hu qal li kellu staġun tajjeb u prestazzjonijiet mill-aqwa speċjalment fis-suċċess tal-Europa League. Mourinho qal li Romero jixraqlu kuntratt ġdid ma’ Manchester United u qal li hi brillanti li għandu lil Romero u De Gea bħala l-gowlkipers tiegħu.