Futbol Sport

Tmien persuni jmutu waqt logħba futbol fis-Senegal

Tmien persuni mietu wara li ċeda ħajt (Ritratt: EPA)

F’Dakar fis-Senegal, tmien persuni mietu mgħaffġa waqt il-finali tal-League Cup tas-Senegal. Kelliem għal Ministru tal-isport Matar Ba, ikkonferma li fost dawk mejta hemm ukoll tifla filwaqt li 60 partitarju ieħor sfaw midruba.

L-inċident seħħ waqt il-partita bejn iż-żewġ timijiet tal-lokal Ouakam u Stade de Mbour.

F’mument meta l-partita kienet fil-ħin barrani bi Stade de Mbour fil-vantaġġ 2-1, partitarji tat-tim oppost bdew igaraw ġebel u siġġijiet b’mod li nħolqot kommozzjoni b’mod li l-partitarji bdew jaqgħu fuq xulxin.

Parti mill-ħajt tal-konkos ċeda bil-pressa tan-nies wara li l-pulizija sparaw gas tad-dmugħ fid-direzzjoni tal-partitarji. Dak il-ħin, il-ħajt ċeda u ġibed miegħu mijiet ta’ partitarji bir-riżultat li tmienja spiċċaw mgħaffġa.

Wara din it-traġedja, hemm ukoll il-possibbiltà li l-elezzjonijiet li għandhom isiru fit-30 ta’ Lulju jkunu sospiżi. Din kienet it-tieni traġedja tal-massa li seħħet fis-Senegal din is-sena wara li f’April li għadda numru kbir mietu waqt attività reliġjuża.

Kelliem għall-President Macky Sall ikkonferma li se jittieħdu l-miżuri kollha meħtieġa fir-rigward min seta’ kien responsabbli għal din it-traġedja.