Lokali

Chris Cardona qed jaqleb ir-rapporti tal-Awditur Ġenerali rashom ‘l isfel – il-PN

Id-Deputat Mexxej Laburista Chris Cardona qed jaqleb il-fatti tar-rapporti tal-Awditur Ġenerali rashom ‘l isfel biex jattakkani personalment. Ir-rapporti tal-Awditur Ġenerali jitkellmu ċar u jikkonfermaw li ma kien hemm ebda indħil politiku – la fl-esproprjazzjoni tal-proprjetà fil-Bajja tal-Fekruna f’San Pawl il-Baħar u lanqas fit-trasferiment ta’ proprjetà fi Spinola Road f’San Ġiljan.

Fi stqarrija mill-Partit Nazzjonalista ffirmata mix-Shadow Minister Jason Azzopardi, intqal li Chris Cardona – flok jaqleb il-fatti rashom ‘l isfel biex mingħalih jigdeb dwari – messu janalizza l-kontenut tar-rapporti tal-Awditur Ġenerali dwar kollegi tiegħu fil-Kabinett li jikkundannahom għall-indħil politiku kemm fix-xiri taż-żejt kif ukoll fl-iskandlu ta’ Gaffarena.

L-istqarrija żżid tgħid li dwar ir-rapport tal-art fil-Bajja tal-Fekruna, l-Awditur Ġenerali jikkonferma li l-esproprjazzjoni saret fl-interess pubbliku, filwaqt li jfaħħar it-twaqqif ta’ kumitat apposta li assigura kontabbiltà u trasparenza.

Ir-rapporti tal-Awditur Ġenerali jitkellmu dwar nuqqasijiet amministrattivi kif ukoll dwar il-fatt li l-politiċi ma kienux infurmati bid-dettalji tat-trasferiment u għalhekk jikkonfermaw li ma kien hemm ebda indħil politiku. Tant hu hekk, iżżid l-istqarrija, li l-istess rapporti jispjegaw kif il-politiċi qatt ma ltaqgħu mas-sidien tal-art in kwistjoni.

L-għaqda nazzjonali li tant tkellem dwarha Joseph Muscat ma tiġix billi tigdeb dwar l-avversarju, iżda billi tkun onest – xi ħaġa li Chris Cardona mhux qed jagħmel, ittemmt għid l-istqarrija tal-Partit Nazzjonalista.