Ċifri uffiċjali ppubblikati mill-Gvern ta’ New Zealand juru li madwar tliet kwarti tat-trusts li kienu joperaw minn dak il-pajjiż sa sena ilu, sparixxew mill-pajjiż hekk kif fil-bidu ta’ dan ix-xahar daħlu fis-seħħ regolamenti aktar stretti bħala riżultat ta’ tibdil fil-liġijiet wara dak li kien żvelat fil-Panama Papers.
Filwaqt li sa April tas-sena l-oħra kien hemm 11,645 trust reġistrati fi New Zealand, dawn issa niżlu għal madwar 3,000. Dawk li b’xi mod ma weġbux is-sejħa tal-Gvern biex jimxu mar-regolamenti l-ġodda, issa ma jistgħux jibqgħu joperaw legalment minn dak il-pajjiż.
Kelliem għad-Dipartiment tat-Taxxi Interni ta’ New Zealand qal li kien hemm numru ta’ trusts li infurmawh uffiċjalment li ma ridux ikomplu jkunu reġistrati f’dak il-pajjiż; kien hemm mal-5,000 li qabdu u telqu bla kliem u bla sliem mingħajr ma infurmaw lil ħadd.
Xi osservaturi finanzjarji qalu li dan it-tnaqqis drastiku fi trusts reġistrati fi New Zealand wara d-dħul ta’ regolamenti aktar stretti hu indikazzjoni ċara li numru kbir minn dawn it-trusts kienu hemmhekk purament għal għanijiet illeġittimi, bħal pereżempju l-evażjoni tat-taxxa u l-ħasil tal-flus.
Fi New Zealand kien hemm kjass kbir meta ’l fuq minn sena ilu mill-Panama Papers kien irriżulta li fost it-trusts ta’ xi barranin kien hemm tnejn partikulari ta’ nies għoljin fil-Gvern ta’ Malta, Keith Schembri, iċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru Joseph Muscat, u Konrad Mizzi, li dak iż-żmien kien il-Ministru tal-Enerġija.
Mhux magħruf s’issa jekk Schembri u Mizzi ħallewx it-trust tagħhom reġistrata fil-Panama. Ftit wara li kienu xxandru l-Panama Papers, Konrad Mizzi kien rappurtat li qal li kien se jagħlaq il-kumpanija fil-Panama, iżda se jżomm it-trust ta’ New Zealand għal għanijiet familjari.
Michael Wood, il-kelliem tal-Partit Laburista ta’ New Zealand (il-partit ewlieni tal-Oppożizzjoni) għal Introjtu Nazzjonali, qal hekk: “The people engaged in setting up foreign trusts are, by definition, wanting to hide their assets from their own jurisdictions and don’t want any sunlight on their activities.”
Qal ukoll: “Labour has been consistent in its belief that plenty of rats would scuttle away when you shine some light on their foreign trusts.”
Skont ir-regolamenti l-ġodda li daħlu fis-seħħ il-ġimgħa l-oħra fi New Zealand, is-sidien tal-foreign trusts (bħal dawk ta’ Schembri u Mizzi) issa jridu jgħidu lid-Dipartiment tat-Taxxi Interni min qed ipoġġi l-flus fit-trust u min qed joħroġ il-flus minnha. Iridu wkoll jibagħtu rapport finanzjarju kull sena li hu dettaljat ħafna u jħallsu s-somma ta’ $270 meta jirreġistraw trust u $50 kull sena biex ikopru l-ispejjeż amministrattivi.
Qabel dawn ir-regolamenti, dawk bi trust fi New Zealand ma kellhom l-ebda obbligu li jiżvelaw min qed ipoġġi u min joħroġ il-flus mit-trust. Lanqas ma kienu jintalbu jgħidu x’inhu l-iskop tat-trust. B’dak il-mod, New Zealand attirat numru kbir ta’ nies li riedu jaħarbu t-taxxa minn pajjiżhom jew li riedu jaħslu l-flus b’ċerta kumdità.
Il-kelliem tal-Inland Revenue ta’ New Zealand qal li kienu qed jintrabtu li jagħtu l-informazzjoni kollha lill-pajjiżi tas-sidien tat-trusts, anki jekk ma jkunux mitluba mill-Gvern rispettiv.
Meta l-Parlament ta’ New Zealand, f’April tas-sena l-oħra, kien qed jiddiskuti l-iskandlu tal-Panama Papers, Bill English (li dak iż-żmien kien il-Ministru tal-Finanzi u li llum hu l-Prim Ministru ta’ New Zealand), wara li kien mistoqsi minn deputat tal-Oppożizzjoni Laburista kif qatt il-Gvern tiegħu seta’ jiddefendi azzjoni li timmina d-dħul ta’ finanzi mit-taxxi għal pajjiżi bħalma hu Malta, hu wieġeb hekk:
“It is up to the Maltese Government to decide whether any of those allegations (fil-Panama Papers) are actually correct, and it may well ask for information from New Zealand, which of course, it would supply.”
Mhux magħruf jekk il-Gvern Malti jew xi entitajiet tiegħu – fost id-Dipartiment tat-Taxxi Interni, l-FIAU, l-MFSA jew il-Pulizija ta’ Malta – matul l-aħħar sena talbux informazzjon relattiva mingħand il-Gvern ta’ New Zealand li pubblikament stqarr li, jekk jintalab, hu kien jikkopera u jagħti d-dettalji kollha.
Fil-Parlament ta’ New Zealand kemm-il darba ssemma l-każ ta’ Keith Schembri u Konrad Mizzi. Fost dawn kien hemm Winston Peters, il-mexxej ta’ partit fl-oppożizzjoni, in-New Zealand First, li staqsa din il-mistoqsija lill-Prim Ministru ta’ New Zealand.
If his (PM) acquaintances, the Prime Minister of Malta’s Chief of Staff, his Minister of Energy, avail themselves through Rotorua and the Haast trusts of his ‘Fort Knox’, are they wrong and he is right?
John Key, il-Prim Ministru ta’ dak iż-żmien, wieġbu li huma kienu qed jimxu mal-liġi kif kienet għaddiet minn dak il-Parlament fl-2006.
//= $special ?>