16.15pm
Francis Zammit Dimech ġie elett fil-Parlament Ewropew biex jimla’ l-post vakat minn Therese Comodini Cachia, li kienet eletta fil-Parlament Malti.
Zammit Dimech kien elett fil-ħames għadd, meta qabeż il-kwota ta’ 14,790 u wara li wiret biżżejjed voti mingħand Ray Bugeja biex rnexxielu jilħaq il-kwota. Wara l-ħames għadd, hu kiseb 15,455 vot.
Sal-ħames għadd tal-voti kienu ġew eliminati Jonathan Shaw, Helga Ellul u Kevin Cutajar. Ray Bugeja kien eliminat fi tmiem il-ħames għadd, bil-kandidat Norman Vella jispiċċa fit-tieni post wara Francis Zammit Dimech.
Fl-ewwel kummenti tiegħu mal-media malli tħabbar ir-riżultat, Francis Zammit Dimech irringrazzja lil dawk li tawh il-fiduċja.
“B’sens ta’ umiltà ma nistax ma nirringrazzjax lill-poplu Malti li fl-aħħar elezzjoni għall-Parlament Ewropew tani l-fiduċja”, beda Zammit Dimech waqt li rringrazzja lil Therese Comodini Cachia għall-ħidma tagħha fil-Parlament Ewropew.
Żied jgħid li hu jħares ‘il quddiem lejn dan il-kapitlu ġdid. “Għalija dan hu kapitlu ġdid u importanti ħafna fil-ħajja politika tiegħi”, żied jgħid. “Inħares lejn dan il-kapitlu bl-akbar determinazzjoni, ħeġġa u sens ta’ servizz lejn il-poplu Malti u Għawdxi. F’dan is-sens, inħares ‘il quddiem għal ħidma mal-kollegi kollha fil-Parlament Ewropew, fosthom David Casa u Roberta Metsola, biex b’lealtà nkun nista’ nkun ta’ servizz għall-poplu Malti u Għawdxi kollu”, temm jgħid fl-ewwel kummenti tiegħu.
Il-voti ta’ Therese Comodini Cachia bdew jinfetħu u jitqassmu fil-garżelli tal-kandidati rispettivi għall-ħabta tat-8.30am.
Francis Zammit Dimech issa jingħaqad mal-MEPs tal-Partit Nazzjonalista David Casa u Roberta Metsola biex jirrappreżenta l-interessi tal-poplu Malti u Għawdxi fil-Parlament Ewropew sal-2019.
Intant, fi tweet, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil feraħ lil Francis Zammit Dimech għall-elezzjoni tiegħu fil-Parlament Ewropew.
Ir-riżultati tal-ħames għadd ġew hekk:
- Ray Bugeja – Eliminat
Kevin Cutajar – Eliminat
Helga Ellul – Eliminata
Jonathan Shaw – Eliminat
Norman Vella – 13,013
Francis Zammit Dimech – 15,454
Congrats @Franciszd on your election to the @Europarl_EN on behalf of @PNmalta and @EPPGroup pic.twitter.com/qqH51ISeOJ
— Simon Busuttil (@SimonBusuttil) July 18, 2017
15:30pm
Ir-riżultati tar-raba’ għadd ġew hekk:
- Ray Bugeja – 7,145
Kevin Cutajar – Eliminat
Helga Ellul – Eliminata
Jonathan Shaw – Eliminat
Norman Vella – 8,200
Francis Zammit Dimech – 13,442
14.30pm
Ir-riżultati tal-tielet għadd ġew hekk:
- Ray Bugeja – 5,818
Kevin Cutajar – 3,860
Helga Ellul – Eliminata
Jonathan Shaw – Eliminat
Norman Vella – 6,885
Francis Zammit Dimech – 12,365
11:30am
Ir-riżultati tat-tieni għadd ġew hekk:
- Ray Bugeja – 5,014
Kevin Cutajar – 3,322
Helga Ellul – 3,159
Jonathan Shaw – 2,245 (waqa’ mat-tieni għadd)
Norman Vella – 6,287
Francis Zammit Dimech – 11,320
Bħalissa qed isir it-tielet għadd wara li l-voti tqassmu fil-garżelli.
12:50pm
Ħadd ma ġie elett fl-elezzjoni każwali għall-Parlament Ewropew wara li ntemmew l-ewwel u t-tieni għadd biex jimtela’ s-siġġu ta’ Therese Comodini Cachia. Madanakollu il-kandidat Francis Zammit Dimech huwa l-eqreb biex jilħaq il-kwota ta’ 14,790.
Ir-riżultati tal-ewwel għadd ġew hekk:
- Ray Bugeja – 4,635
Kevin Cutajar – 3,154
Helga Ellul – 2,857
Jonathan Shaw – 2,245
Norman Vella – 5,557
Francis Zammit Dimech – 10,719
9:50am
Il-pakketti ta’ 50 vot bil-voti ta’ Therese Comodini Cachia nfetħu kważi kollha u dan ifisser li dalwaqt jibda l-għadd tal-voti ta’ kull kandidat.
Il-kandidat elett irid jilħaq il-kwota, jiġifieri madwar 14,000 vot. Aktarx ikollu jsir aktar minn għadd wieħed.
8:50am
Il-voti ta’ Therese Comodini Cachia nfetħu u qed jiġu mqassma fil-garżelli tal-kandidati li qed jikkontestaw l-elezzjoni każwali, skont il-preferenza tal-votanti u wara li wieħed jeskludi l-vot lil Comodini Cachia.
Fis-sala tal-għadd tal-voti bdew jaslu uħud mill-kandidati.
Aktar kmieni
Sitt kandidati llum se jkunu qed jikkontestaw fl-elezzjoni każwali li se ssir biex jimtela’ s-siġġu ta’ Therese Comodini Cachia fil-Parlament Ewropew.
Il-kandidati li qed jikkontestaw huma Ray Bugeja, Kevin Cutajar, Helga Ellul, Jonathan Shaw, Norman Vella u Francis Zammit Dimech.
Il-pakketti tal-voti ta’ Therese Comodini Cachia mistennija jibdew jinfetħu għall-ħabta tat-8.30am fiċ-Ċentru tal-Għadd tal-Voti fin-Naxxar. Mhux mistenni li l-ewwel għadd tal-voti jdum ħafna.
L-elezzjonijiet għall-Membri tal-Parlament Ewropew isiru kull ħames snin, u l-elezzjoni li jmiss se ssir fl-2019. Therese Comodini Cachia, eletta fil-Parlament Ewropew fl-2014, irriżenjat mill-irwol tagħha fl-Ewropa biex tkun tista’ tirrappreżenta lill-elettorat Malti fil-Parlament ta’ Malta wara l-elezzjoni ġenerali tat-3 ta’ Ġunju.
NETnews.com.mt se jkun qed jaġġorna bl-aħħar żviluppi u bir-riżultat tal-elezzjoni każwali.
//= $special ?>