Jekk qatt ma doqt ikel Grieg, Tajlandiż jew Lebaniż, se jkollok iċ-ċans li tagħmel dan fil-Festival Internazzjonali tal-Ikel li se jsir bejn il-21 u t-23 ta’ Lulju fil-Foss tal-Imdina.
Waqt konferenza tal-aħbarjiet tħabbru dettalji dwar dan il-festival, organizzat minn NRGY, u li matulu, n-nies se jkunu jistgħu jagħżlu minn fost 100 platt differenti minn kull kantuniera tad-dinja, kif jispjega Jonathan Pace mit-tim organizzattiv.
“Dan il-festival huwa ċelebrazzjoni tal-ikel fejn se jkollna ‘l fuq minn mitt platt minn 15-il pajjiż differenti”, qal Jonathan Pace lil NET News. “Kull platt se jkun qed jiġi msajjar minn diversi kumpaniji kemm lokali kif ukoll internazzjonali, apparti li l-pubbliku se jkun jista’ jduq l-ikel qabel jixtri l-platt sħiħ”, żied jispjegal.
Għall-festival, li kuljum jibda mis-6 ta’ filgħaxija ‘l quddiem, se jkun hemm servizz ta’ ‘park and ride’ minn Triq l-Infetti u Triq it-Tiġrija, ir-Rabat, sal-Foss tal-Imdina.
U fit-tlett ijiem kollha mhux se jkun hemm biss ikel u xorb, imma attivitajiet għat-tfal u xows li jaqtgħu l-kurżità ta’ min jixtieq ikun jaf kif kien jissajjar l-ikel fl-antik.
“Waqt il-festival se jkun hemm Heritage Malta b’element edukattiv, fejn se jkunu qed jedukaw lin-nies preżenti dwar il-mod kif kien jissajjar l-ikel fl-antik”, żied jgħid Pace.
Il-Festival Internazzjonali tal-Ikel jingħaqad ma’ attivitajiet oħra organizzati fl-Idina, fosthom il-Medieval Mdina u l-Mdina Grand Prix. U din s-sena, il-Festival tal-Ikel se jkollu valur miżjud, kif jispjega s-Sindku tal-Imdina Peter Sant-Manduca.
“Dan il-festival sar popolari ħafna, u din hija t-tielet sena li qed jiġi organizzat. Din is-sena, min jiġi għall-festival se jkun jista’ jgawdi wkoll il-festa tal-Karmnu fl-Imdina”, qalilna s-Sindku.
Il-konferenza tal-aħbarijiet, fil-Casino Notabile tal-Imdina, kienet indirizzata wkoll miċ-Chairman tal-Awtorità Maltija tat-Turiżmu Gavin Gulia.
//= $special ?>