Futbol Sport

FUTBOL – Possibbiltà ta’ tibdil fid-data tat-Tazza tan-Nazzjonijiet Afrikani

Il-kompetizzjoni tat-Tazza tan-Nazzjonijiet Afrikani tista’ tibda ssir fis-sajf minflok bejn ix-xhur ta’ Jannar u Frar. Dan ikkonfermah il-President tal-Federazzjoni tal-Futbol fl-Afrika Ahmad Ahmad.

Dan tal-aħħar spjega li l-kompetizzjoni qed toħloq problema kbira lit-timijiet Ewropej li jkollhom jitilfu diversi plejers li jmorru fil-kontinent Afrikan biex jieħdu sehem fit-turnament.

Fil-fatt, aktar kmieni din is-sena, kienu ħafna dawk li rrifjutaw li jilagħbu ma’ pajjiżhom fl-edizzjoni li saret fil-Gabon għax għażlu li jibqgħu mal-klabbs tagħhom.

Ironikament, sebgħa minn dawn il-plejers li naqqsu milli jingħaqdu mat-tim nazzjonali tagħhom kienu tal-Kamerun, it-tim li eventwalment rebaħ it-tazza.

Barra minn hekk, il-klabbs jilmentaw ukoll li minbarra li jitilfu l-plejers tagħhom għal diversi ġimgħat, dawn l-istess plejers jistgħu jirritornaw lura għajjenin jew imweġgħin wara l-impenji fl-Afrika.
Din is-sena 12-il klabb tal-Premier tilef madwar 20 plejer waqt dan it-turnament.

Meta fil-passat il-Federazzjoni Afrikani kienet taħt it-tmexxija tal-President Issa Hayatou dan kien jirrifjuta li jibdel id-data tat-turnament għax skont hu f’Ġunju u f’Lulju t-temperaturi fl-Afrika jkunu wisq sħan biex matulhom isiru l-partiti imma issa hemm min qed jargumenta li l-klabbs Afrikani jilagħbu b’mod regolari matul dan ix-xahar.

Ahmad Ahmad qal ukoll li jista’ jagħti l-każ li f’dan it-turnament li jsir kull sentejn, jibdew jieħdu sehem fih 24 tim minflok 16.

Ahmad qal li jista’ jagħti l-każ li t-turnament jista’ jibda jkun organizzat bejn żewġ pajjiżi u jekk dan iseħħ ikun hemm ċans akbar li fil-fażi finali jibdew jieħdu sehem 24 tim.