Lokali Qorti

Il-Qorti Kostituzzjonali twaqqaf l-estradizzjoni ta’ Malti lejn il-Litwanja

Il-Qorti Kostituzzjonali ordnat il-ħelsien mill-arrest ta’ raġel li kellu jkun estradit lejn il-Litwanja.

Angelo Frank Paul Spiteri jinsab arrestat fuq Mandat ta’ Arrest Ewropew maħruġa mill-awtoritajiet tal-Litwanja biex jiffaċċja akkużi dwar frodi. Id-deċiżjoni tal-lum tal-Qorti Kostituzzjonali, ikkonfermat is-sentenza tal-Prim Awla tal-Qorti Ċivili f’Sede Kostituzzjonali mogħtija f’Mejju li għadda, li kienet iddikjarat li t-trasferiment ta’ Spiteri lejn il-Litwanja ikun ifisser ksur tad-drittijiet fundamentali  tiegħu.

Il-każ imur lura għal Diċembru 2015 meta bdew il-proċeduri ta’ estradizzjoni quddiem il-Maġistrat Aaron Bugeja. Fi Frar 2016, il-Qorti tal-Appell Kriminali ikkonfermat is-sentenza tal-Qorti tal-Maġistrati li kienet ordnat l-estradizzjoni tiegħu.

Kien hawnhekk li t-tim legali ta’ Spiteri beda proċeduri kostituzzjonali. F’Mejju li għadda, l-Imħallef Jacqueline Padovani Grima iddeċidiet li l-estradizzjoni m’għandhiex issir għaliex hemm riskju serju li jkun espost għat-trattament inuman.

Din is-sentenza kienet ikkonfermata mill-Qorti Kostituzzjonali, preseduta mill-Prim Imħallef Silvio Camilleri u l-Imħallfin Giannino Caruana Demajo u Noel Cuschieri fejn ikkonsultat rapporti tal-Unjoni Ewropea dwar il-ħabsijiet fil-Litwanja li kienu jikkonfermaw l-allegazzjonijiet ta’ kundizzjonijiet inumani li fihom qed jinżammu l-priġunieri.

Il-Qorti Kostituzzjonali qalet li filwaqt li s-sistema legali tal-Litwanja tipprovdi rimedji għall-priġunieri, dan ma jeħlisx lill-Istat Malta mir-responsabbilta’ jekk ikun hemm ksur tad-drittijiet fundamentali tiegħu. Il-fatt li l-Gvern tal-Litwanja ma setax jgħid minn qabel f’liema faċilita’ korrettiva se jkun qed jinżamm Spiteri, ma serraħx moħħ il-Qorti u jkompli jżid ir-riskju li d-drittijiet fundamentali tiegħu se jisfaw miksura.

L-Avukati Jason Azzopardi, Evelyn Borg Costanzi, Kris Busietta u Julian Farrugia dehru għal Angelo Frank Paul Spiteri.