Raġel li kien ammetta akkużi b’rabta ma’ falsifikazzjoni ta’ testijiet u ċertifikati tal-VRT se jingħata ċans ieħor quddiem il-Qorti tal-Maġistrati wara li l-Qorti tal-Appell Kriminali ordnat li l-każ jinstema’ mill-ġdid.
Il-Qorti tal-Appell, preseduta mill-Imħallef Giovanni Grixti, semgħet kif Jesmond Pulis ta’ 52 sena minn Ħaż-Żabbar, li hu s-sid tal-garage XTC Towing Services, allega li l-ammissjoni tiegħu kienet waħda ivvizzjata.
Dan għaliex Pulis allega li ngħata x’jifhem mill-Pulizija li jekk jammetti, jista’ jeħlisha b’estensjoni ta’ sentenza sospiża li diġa’ kellu jew li jagħmel numru ta’ siegħat xogħol fil-komunita’.
Pulis fil-fatt hekk għamel u rrifjuta l-assistenza legali meta deher quddiem il-Maġistrat Ian Farrugia. Minkejja t-twissijiet tal-Ewwel Qorti dwar il-konsegwenzi tal-ammissjoni, Pulis ma biddilx fehmtu u għaldaqstant, fit-30 ta’ Marzu 2017, Jesmond Pulis kien ikkundannat għal tliet snin priġunerija u mmultat €10,000. Barraminhekk, il-Qorti ordnat l-irtirar tal-liċenzja tal-garage bħala ċentru approvat għat-testijiet tal-vetturi għal 15-il sena u żdiedu sentejn oħra priġunerija meta sentenza sospiża inbidlet għal waħda effettiva.
Fis-sentenza tagħha, il-Qorti fakkret li d-drittijiet tal-imputat jidħlu fis-seħħ mhux minn meta jinġieb fil-Qorti iżda minn qabel. Dan għaliex deher ċar li Pulis kien lest li jammetti mingħajr ma kien jaf x’kienu l-akkużi kontra tiegħu, la ngħata kopja tagħhom u lanqas inqraw mill-Ispettur Prosekutur għaliex ittieħdu bħala moqrija.
L-Imħallef Grixti qal li jidher li l-akkużat ma kienx jaf il-konsegwenza tal-ewwel akkuża ta’ trading in influence, li waħidha iġġorr piena ta’ tliet snin ħabs.
Il-Qorti tal-Appell Kriminali tkompli li f’dan il-każ, jeħtieġ eżami ta’ x’ġara fl-istadju ta’ qabel il-proċeduri fl-ewwel Qorti għaliex dak li seħħ f’dan l-istadju, jidher li kellu effett fil-proċeduri quddiem l-ewwel Qorti.
Il-Qorti tal-Appell issostni li filwaqt li l-ewwel Qorti ma naqset bl-ebda mod, madanakollu innotat li l-ewwel Qorti għandha taċċerta ruħha li l-imputat mhux biss fehem il-minimu u l-massimu tal-piena li jista’ jingħata imma li fehem kull waħda mill-akkużi li qed jammetti għalihom. Din it-twissija, tassumi iktar importanza meta l-akkużat ma jkunx assistit minn avukat.
Għaldaqstant, għal dawn ir-raġunijiet, il-Qorti laqgħet l-appell ta’ Jesmond Pulis billi ħassret is-sentenza mogħtija mill-Qorti tal-Maġistrati f’Marzu 2017 u ordnat li l-każ jinstema’ mill-ġdid quddiem l-istess Qorti tal-Maġistrati.
Jesmond Pulis kien assistit fl-Appell mill-Avukat Roberto Montalto.
//= $special ?>