Internazzjonali

Ir-Renju Unit: Inkwiet dwar eżodu tal-banek minħabba Brexit

 

Catherine McGuinness, li hi inkarigata mill-politika għad-distrett finanzjarju ta’ Londra, wissiet li r-Renju Unit jeħtieġ jinnegozja proċess tat-tluq gradwali mill-Unjoni Ewropea ‘fil-ftit xhur li ġejjin’, inkella jissogra li jitlef ħafna nies fis-settur li, ‘il quddiem, jispiċċaw jaħdmu f’pajjiżi oħra

Id-distrett ta’ Londra – is-City of  London — hu hub globali għall-attivitajiet finanzjarji u attivitajiet fis-settur tal-kambju, minbarra li jservi bħala sit għal aktar banek minn kwalunkwe ċentru finanzjarju ieħor. Intant, id-distrett qed jiffaċċja taqlib kbir waqt li l-kumpanniji finanzjarji jikkunsidraw jekk jibgħatux l-istaff lejn l-Ewropa kontinentali (biex jaqdu lill-klijenti hemmhekk) ladarba r-Renju Unit joħroġ mill-UE, fl-2019.

Sadabnittant, McGuinness, avukat tal-finanzi li żżomm kuntatti regolari mal-Gvern Britanniku dwar issues ta’ politika, qalet li xi kumpanniji fis-settur bdew ir-rilokazzjoni (minn Londra) ta’ ‘elementi tal-intrapriżi tagħhom’ lejn pajjiżi oħra, fost il-frustrazzjoni għan-nuqqas ta’  ċarezza rigward xi forma ta’ ftehim dwar il-Brexit.

Hi qed tgħid li ‘in-nies jeħtieġu jkunu jafu l-affarijiet issa’, meta fil-preżent qed jittieħdu d-deċiżjonijiet importanti. Dan meta l-kumpanniji, fin-nuqqas ta’ ftehim, ‘jistgħu jitrasferixxu sa 15,000 impjieg fil-qasam finanzjarju ‘il barra mir-Renju Unit’.