Il-Korea t’Isfel qed tinsisti li ‘mgħandha l-ebda differenzi kbar’ mal-Istati Uniti rigward l-inizjattiva mill-Gvern ta’ Seoul għal djalogu mal-Korea ta’ Fuq komunista rigward l-aspett militari.
Dan meta l-Korea t’Isfel, fil-bidu tal-ġimgħa, ipproponiet laqgħa mar-rappreżentanti tar-reġim fi Pyongyang li mistennija ssir nhar il-Ġimgħa, f’inħawi speċifiċi tal-fruntiera bejn il-Korej li hi l-aktar zona fortifikata fid-dinja.
Għalkemm il-Korea ta’ Fuq ma rreaġietx b’mod ċar għall-offerta, Sean Spicer, il-kelliem għall-White House fl-Istati Uniti, qal li l-kundizzjonijiet għal djalogu mal-Korea komunista ‘qegħdin jidhru ferm ‘il bogħod’. Il-pożizzjoni ta’ Washington, intant, indikat li l-Istati Uniti mhix lesta biex tiddjaloga mal-Korea ta’ Fuq qabel ir-reġim fi Pyongyang juri li hu lest għall-bidu ta’ proċess lejn id-denuklearizzazzjoni.
Sadanittant, uffiċjali mal-Ministeru tal-Korea t’Isfel għall-Unifikazzjoni ammettew li l-impenn għat-taħditiet inter-Koreani ‘ma jfissirx li ntlaqgħu l-kundizzjonijiet għal djalogu sħiħ’. Dan meta kummenti preċedenti minn Seoul indikaw li ‘dan għadu biss il-bidu tal-kuntatti mal-Korea komunista’ bil-għan li tonqos it-tensjoni akuta fil-peniżola.
Bħalissa, il-President tal-Korea t’Isfel, Moon Jae-in, qed jipprova jwassal għal sitwazzjoni fejn il-Korea komunista timpenja ruħha biex tnaqqas mill-iżvilupp tal-element nukleari li qed iħasseb lill-kontinent tal-Asja kif ukoll lid-dinja b’mod ġenerali.
Moon Jae-in qed jaħdem ukoll lejn opportunitajiet ta’ kooperazzjoni biex ikun hemm il-paċi fil-peniżola Koreana.
//= $special ?>