Il-Gvern tal-Istati Uniti mmexxi mill-President Repubblikan, Donald Trump, kellu disfatta fl-isforzi biex jinstab mudell sostitut xieraq għas-sistema għall-kura tas-saħħa, magħrufa bħala Obamacare, li kienet introdotta snin ilu mill-eks President Amerikan, Barack Obama.
L-abbozz għall-bidla fis-sistema ma għaddietx fil-forma attwali wara li żewġ senaturi Repubblikani għamluha ċara li huma kienu qed jopponu l-alternattiva proposta mill-partit tagħhom.
Il-Partit Repubblikan kien maqsum dwar il-kwistjoni, meta l-moderati huma mħassbin dwar l-effetti ta’ ‘terremot’ fis-settur tas-saħħa u l-impatt li dan jista’ jkollu fuq l-aktar Amerikani vulnerabbli.
Il-President Amerikan Donald Trump issa sejjaħ għall-annullament tal-Obamacare biex ir-Repubblikani jkunu jistgħu jibdew il-proċess għall-ħarsien tas-saħħa ‘sa mill-ewwel skaluna’. Intant, ir-responsabbiltà għal dan għaddiet f’idejn Mitch McConnell, bħala l-Kap tal-maġġoranza fis-Senat ta’ Washington. McConnell stess esprima d-dispjaċir tiegħu li l-isforzi għall-irtirar tas-sistema ta’ Obamacare mhumiex se jirnexxu.
Taħt is-sistema tal-Obamacare, ‘il fuq minn 20 miljun persuna fl-Istati Uniti jistgħu jgawdu minn assikurazzjoni fuq is-saħħa. Iżda r-Repubblikani ta’ Trump iqisu din il-leġislazzjoni tal-2010 bħala burokrazija żejda min-naħa tal-Gvern federali filwaqt li jsostnu li l-pazjenti, permezz tal-istess leġislazzjoni, qed ikollhom għażliet anqas minbarra premiums ogħla fuq l-assikurazzjoni.
L-alternattiva proposta tal-Partit Repubblikan kienet żammet it-taxxi ewlenin tal-Obamacare għas-sinjuri waqt li imponiet qtugħ drastiku fuq il-healthcare għall-foqra — bil-partit jippermetti wkoll biex il-kumpanniji tal-assikurazzjoni joffru l-poloz fuq livell anqas minn dak elenkat mill-Obamacare.
//= $special ?>