Milan ħabbru li reġgħu selfu lil Andrea Bertolacci lil Genoa. Il-plejer ta’ 26 sena kien ingħaqad ma’ Milan fl-2015 u issa se jilgħab mal-eksklabb tiegħu b’self sa tmiem l-istaġun.
Fl-istaġun li għadda hu lagħab biss disa’ darbiet ma’ Milan u ma’ Genoa se jkun qed jittama li jilgħab b’aktar mod regolari.
Intant, l-istess Genoa akkwistaw lil plejer ieħor ta’ Milan, l-attakkant Gianluca Lapadula.
Dan tal-aħħar se jkun misluf lit-tim ta’ Genoa u fi tmiem l-istaġun dawn ikollhom għażla li jakkwistawh b’mod permanenti.
Minkejja li Lapadulda impressjona sa minn meta ngħaqad ma’ Milan fis-sajf li għadda, dan il-plejer mhux se jkun fil-pjanijiet tal-kowċ Montella għall-istaġun li ġej.
Bakayoko ma’ Chelsea
Iċ-champions Ingliżi Chelsea akkwistaw lil Tiemoue Bakayoko mingħand Monaco. Il-midfielder ta’ 22 sena ffirma kuntratt ta’ ħames snin u issa se jkun għad-dispożizzjoni tal-manager Antonio Conte.
Bakayoko kien wieħed mill-aktar plejers importanti ta’ Monaco li fl-istaġun li għadda temmu d-dominju ta’ PSG bir-rebħ tal-kampjonat domestiku ta’ Franza.
Boriello jġedded il-kuntratt ma’ Cagliari
L-attakkant Marco Boriello ġedded il-kuntratt tiegħu ma’ Cagliari. Hu se jkun marbut mal-klabb sal-2019.
Il-plejer ta’ 35 sena skurja 20 gowl fl-istaġun li għadda u għal darba oħra mistenni jkun strumentali għal Cagliari.