L-eksplejer ta’ Roma Christian Panucci nħatar bħala kowċ nazzjonali tal-Albanija.
Fil-karriera tiegħu bħala plejer Panucci lagħab ma’ diversi klabbs bħal ma huma Milan, Real Madrid, Inter u Roma. Hu libes anke l-flokk tat-tim nazzjonali Taljan għal 57 darba.
Fl-2010 rtira mill-futbol u beda jaħdem mal-istazzjon televiżiv Sky.
Wara din l-esperjenza hu beda jmexxi lil Palermo u għamel sentejn assistent ta’ Fabio Capello li kien imexxi lit-tim nazzjonali Russu.
Madankollu l-esperjenza li kellu maż-żewġ klabbs li mexxa fis-Serie B, Livorno u Ternana ma tantx kienu pożittivi u dejjem spiċċa tkeċċa mill-kariga.
Panucci se jkun qed jieħu post kowċ Taljan ieħor li f’dawn l-aħħar snin kien qed imexxi lill-Albanija, Gianni De Biasi.
Panucci se jkollu biċċa xogħol iebsa biex ikompli minn fejn ħalla De Biasi hekk kif dan wassal għall-ewwel darba lill-Albanija f’turnament maġġuri hekk kif dawn ikkwalifikaw għall-Euro 2016.
L-Albaniżi bħalissa jinsabu fit-tielet post fil-grupp rispettiv tagħhom fir-rawnd ta’ kwalifikazzjoni għat-Tazza tad-Dinja u fadal jilagħbu erba’ partiti.
//= $special ?>