Ambjent Lokali

FILMAT: Żgħażagħ jgħinu biex ir-riservi naturali jittejbu kemm b’risq in-natura kif ukoll għall-pubbliku

Jiġi fi tmiemu l-proġett Action for Nature ta’ BirdLife Malta

Lulju jimmarka t-tmiem tal-proġett Action for Nature ta’ BirdLife Malta li kien mifrux fuq medda ta’ 20 xahar. Dan l-iskambju internazzjonali ġab flimkien 84 żagħżugħ u żagħżugħa kif ukoll leaders taż-żgħażagħ minn Malta, l-Ungerija u n-Norveġja li ngħaqdu biex itejbu r-riservi naturali tal-NGO bħala parti minn kampanja ambjentali.

Mit-30 ta’ Ġunju, parteċipanti min-Norveġja (Jølster KFUK-KFUM-Speidarar), l-Ungerija (Békéscsaba KIE) u l-Assoċjazzjoni tal-Iscouts ta’ Malta ngħaqdu flimkien biex joħolqu klassi fil-beraħ fir-Riserva Naturali tas-Simar biex tintuża minn BirdLife Malta waqt żjarat minn skejjel u attivitajiet li jsiru fir-riserva fil-futur. Meta ma kinux qed jaħdmu fir-riservi, l-iscouts ħadu sehem f’numru ta’ workshops biex ikomplu jiżviluppaw il-ħiliet tagħhom. Dawn iffukaw fuq it-titjib tal-ħiliet f’oqsma bħat-teamwork, il-komunikazzjoni,il-koperazzjoni u l-public speaking. Wara ħamest ijiem ta’ attivitajiet diversi, il-grupp tella’ b’suċċess open day fir-riserva tax-Xemxija biex juri lill-pubbliku l-frott tal-ħidma li twettqet u anke biex iħajjar aktar nies iqattgħu ħin fin-natura.

L-iskambju finali tal-proġett li sar dan ix-xahar kien mifrux fuq ġimgħa u jsegwi żewġ skambji simili li saru b’suċċess fl-2016 u li matulhom saru xogħlijiet utli fil-Foresta 2000 u fir-Riserva Naturali tas-Simar b’kollaborazzjoni ma’ għaqdiet lokali tal-iscouts bħat-Tarxien Venture Scouts u d-Dingli Venture Scouts kif ukoll mal-organizzazzjoni Ungeriża Békéscsaba KIE.

Bħala parti mill-parteċipazzjoni tagħhom f’dan l-iskambju ffinanzjat mill-programm Erasmus+ tal-Unjoni Ewropea, iż-żgħażagħ kellhom ukoll l-opportunità li jieħdu sehem f’attivitajiet kulturali kif ukoll f’avventura ta’ snorkelling fil-Bajja tal-Mixquqa (Golden Bay) b’kollaborazzjoni ma’ SharkLab.

F’kummenti dwar il-proġett, l-Education Officer ta’ BirdLife Malta Sarah Brady qalet li l-proġett Action for Nature hu opportunità mill-aqwa għaż-żgħażagħ biex jitgħallmu u jaħdmu ma’ oħrajn bħalhom minn pajjiżi u kulturi differenti, bil-għan komuni li jtejbu zoni naturali u ambjentali fl-istess ħin li dawn jitgawdew aktar mill-pubbliku.