Lokali

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil jawgura lil Francis Zammit Dimech

Aktar kmieni llum, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil laqa’ fl-uffiċċju tiegħu fid-Dar Ċentrali f’Tal-Pietà, lill-Membru tal-Parlament Ewropew elett Francis Zammit Dimech, wara li lbieraħ ġie elett fl-elezzjoni każwali għas-siġġu ta’ Therese Comodini Cachia li ġiet eletta fil-Parlament Malti fl-elezzjoni ġenerali tax-xahar li għadda.

F’kummenti qosra, Simon Busuttil feraħ lil Francis Zammit Dimech għas-suċċess fl-elezzjoni każwali u awguralu għall-ħidma ġdida tiegħu fil-Parlament Ewropew. Hu rringrazzjah ukoll għall-ħidma tiegħu fil-Parlament Malti fis-snin li għaddew.

Preżenti kien hemm ukoll il-Kap tad-Delegazzjoni tal-Partit Nazzjonalista fil-Parlament Ewropew David Casa.