Lokali Qorti

Il-Qorti twaqqaf l-għoti ta’ kuntratt dwar provvista ta’ hearing aids

Il-Qorti tal-Appell ħassret deċiżjoni dwar kuntratt għall-provvista ta’ hearing aids lill-Ministeru tas-Saħħa wara li sabet li l-kriterji ma kienux ċari biżżejjed u l-Bord tar-Reviżjoni dwar il-Kuntratti Pubbliċi naqas milli jagħmel evalwazzjoni teknika tal-prodott kif mitlub meta sar l-appell.

Il-każ hu dwar sejħa għall-offerti maħruġa bl-Ingliż mill-Ministeru tas-Saħħa għal hearing aids “for children and adults”. Il-kumpanija OK Ltd kienet tefgħet l-offerta iżda l-Kumitat tal-Evalwazzjoni aġġudika t-tender lil kumpanija Ġermaniża.

Il-Kumpanija OK ikkontestat id-deċiżjoni tal-Kumitat tal-Evalwazzjoni quddiem il-Bord tar-Reviżjoni dwar il-Kuntratti Pubbliċi fejn sostniet li l-prodott tal-kumpanija Ġermaniża ma jissodisfax ir-rekwiżiti tekniċi għaliex il-hearing aids ma jistgħux jintużaw fuq tfal taħt il-ħames snin.

Il-Bord tar-Reviżjoni qal li skont il-kriterji mediċi, il-kelma children tapplika għal tfal minn ħames snin sa tmintax-il sena filwaqt li tfal tat-twelid sa ħames snin huma meqjusa bħala infants. Għaldaqstant, f’Marzu 2017, il-Bord qal li l-offerta tal-kumpanija Ġermaniża tissodisfa l-kriterji mitluba fis-sejħa għall-offerti minkejja li l-prodott ma jistax jintuża fuq tfal taħt il-5 snin.

Il-kumpanija OK fetħet appell fuq din id-deċiżjoni kontra d-Direttur tal-Kuntratti, is-Central Procurement and Supplies Unit (CPSU) fi ħdan il-Ministeru tas-Saħħa u s-Segretarju Permanenti fl-istess Ministeru.

Il-Qorti tal-Appell, preseduta mill-Prim Imħallef Silvio Camilleri u l-Imħallfin Joseph Azzopardi u Tonio Mallia, ma’ qablitx mal-konklużjoni tal-Bord għaliex filwaqt li s-sejħa għall-offerti saret bil-lingwa Ingliża, persuna Maltija li titfa’ offerta tifhem li l-prodott se jintuża għal tfal u adulti u tfal bejn it-tliet snin u ħames snin huma żgur meqjusin bħala tfal.

“Ma ġiex spjegat lill-offerenti li l-kelma children ma kellhiex tittieħed fis-sens ġenerali tagħha iżda fis-sens medico-legali tagħha u jekk il-prodott li ried il-Ministeru kien maħsub biex iservi biss tfal ‘il fuq minn ħames snin, dan kellu jingħad b’mod ċar. Għal dan in-nuqqas ta’ kjarezza, m’għandhomx ibatu l-offerenti,” ikkonkludiet il-Qorti.

Il-Qorti ikkonkludiet ukoll li l-Bord dwar ir-Reviżjoni dwar il-Kuntratti Pubbliċi abdika mid-doveri tiegħu meta eżaminax jekk il-prodott tal-kumpanija preferuta kienx konformi mar-rekwiżiti tekniċi mitluba fit-tender. Il-Qorti tal-Appell qalet li l-Bord hu magħmul minn persuni tekniċi preċiżament sabiex ikun jista’ jqis dawn ir-rekwiżiti b’mod dettaljat u mhux jistrieħ fuq il-Kumitat tal-Evalwazzjoni.

Għal dawn ir-raġunijiet, il-Qorti ħassret id-deċiżjoni tal-Bord u bagħtet l-offerti lura sabiex ikunu evalwati mill-ġdid.

L-Avukat Michael Tanti Dougall deher għall-kumpanija OK Ltd