Lokali Qorti

Konferma li nkiser id-dritt għal smiegħ xieraq

Il-Qorti Kostituzzjonali ikkonfermat fi stadju ta’ appell sentenza tal-Prim Awla tal-Qorti Ċivil (Sede Kostituzzjonali) maħruġa f’Novembru 2016 li fiha ordnat il-ħelsien u li jsir proċess ġudizzjarju ġdid fil-konfront ta’ raġel li kien instab ħati fost oħrajn ta’ traffikar ta’ droga.

Il-Qorti Kostituzzjonali, preseduta mill-Prim Imħallef Silvio Camilleri u l-Imħallfin Giannino Caruana Demajo u Noel Cuschieri, ċaħdet l-appell imressaq mill-Avukat Ġenerali u qablet mal-konklużjoni tal-ewwel Qorti li kienet sabet li l-unika evidenza li wasslet għall-ħtija  tar-raġel kienet stqarrija li ta lill-pulizija mingħajr il-preżenza ta’ avukat, bi ksur tad-Dritt Fundamentali ta’ smiegħ xieraq.

Min-naħa l-oħra, il-Qorti Kostituzzjonali qieset li l-kumpens mogħti f’danni kien wieħed eċċessiv ladarba tħassret il-piena u naqqsitu minn €3,000 għal €1,200.

Trevor Bonnici kien arrestat f’Lulju tal-2004 fuq suspetti ta’ traffikar ta’ droga. Hu kien interrogat mill-Pulizija wara 20 siegħa li kien fil-kustodja tagħhom. Hu ta stqarrija lill-Pulizija meta kien taħt arrest u ma ngħatax il-possibilita’ li jkellem avukat. Eventwalment, għalkemm irrifjuta li jiffirma l-istqarrija, il-ħtija ta’ Bonnici straħet fuq din l-istqarrija. Il-Qorti tal-Maġistrati kienet ikkundannat lil Bonniċi għal 18-il xahar ħabs u multa ta’ €1,500, liema sentenza kienet ikkonfermata mill-Qorti tal-Appell Kriminali.
Id-dritt tal-għajnuna legali waqt l-interrogazzjoni mill-Pulizija ma kienx parti mill-liġijiet ta’ Malta dak iż-żmien

Iżda fil-kawża Kostituzzjonali il-Prim Awla tal-Qorti Ċivili (sede Kostituzzjonali), preseduta mill-Imħallef Mark Chetcuti, innutat li l-istqarrija meħuda mill-pulizija, kienet l-uniku prova li ppreżentat il-Prosekuzzjoni quddiem il-Qorti tal-Maġistrati li kienet tinkrimina lil Bonnici. Għaldaqstant, l-Ewwel Qorti ħassret is-sentenza tal-Qorti tal-Maġistrati u ordnat li l-każ jinstema’ mill-ġdid.

Il-Qorti Kostituzzjonali ma’ qablitx mal-argumenti mressqa mill-Avukat Ġenerali fl-appell fejn qalet li f’każ fejn il-proċeduri intemmu, il-fatt fih innifsu li l-akkużat ma tħalliex jikkonsulta ma’ avukat tal-fiduċja tiegħu fl-istadju ta’ interrogazzjoni awtomatikament ifisser li kien hemm ksur tad-dritt tiegħu għal smiegħ xieraq.

Il-Qorti kompliet li għamlet sew l-Ewwel Qorti tħassar is-sentenza mogħtija mill-Qorti tal-Maġistrati għaliex m’hemm l-ebda dubju li Bonnici instab ħati l-iktar, jekk mhux għal kollox, bis-saħħa tal-istqarrija li ttieħdet bi ksur tad-drittijiet tiegħu.

Trevor Bonnici kien assistit mill-Avukati Jason Azzopardi, Kris Busietta, Evelyn Borg Costanzi u Julian Farrugia