Futbol Sport

Mourinho jixtieq jibqa’ jmexxi lil Manchester Utd għal ħafna snin

L-ekssewwieq tal-Formula 1 Nico Rosberg (xellug) kien preżenti għal sessjoni ta’ taħriġ ta’ Manchester Utd u ltaqa’ wkoll mal-manager tat-tim Jose Mourinho (lemin) li minn naħa tiegħu qal li jixtieq idum snin kbar imexxi lir-Red Devils

Il-manager ta’ Manchester United Jose Mourinho qal li jixtieq jibqa’ jmexxi lir-Red Devils għal ħafna snin aktar imma jaf li l-pressjoni fuq manager hi waħda kbira llum-il ġurnata.

Il-kowċ Portugiż beda jmexxi lir-Red Devils qabel l-istaġun li għadda u fl-ewwel sena tiegħu mat-tim rebaħ il-League Cup, iċ-Charity Shield u l-Europa League. Grazzi għar-rebħ tal-Europa League Man Utd ikkwalifikaw għaċ-Champions League.

F’konferenza tal-aħbarijiet li saret fl-Istati Uniti fejn Man Utd bħalissa għaddejin bil-preseason tagħhom, Mourinho qal li mhux biss lest għall-istaġun li jmiss imma anke għal ħafna snin oħra.

“Jien lest anke biex nibqa’ nmexxi lil dan it-tim għall-15-il sena li ġejjin. Nammetti, biex nagħmel dan mhux faċli għax illum-il ġurnata hemm pressjoni kbira fuqna l-managers biex inġibu r-riżultati malajr kemm jista’ jkun. Kull sena qed issir aktar diffiċli biex wieħed jirbaħ l-unuri,” qal Mourinho.

“Jien mhux biss nipprova nikseb ir-riżultati imma nuri li x-xogħol tiegħi mhux biss iffukat fuq dak li jseħħ fil-grawnd,” kompla jgħid il-manager Portugiż.

Mourinho iffirma kuntratt ma’ Man Utd wara li l-klabb kien immexxi minn David Moyes u Louis van Gaal li t-tnejn li huma ma tantx kellhom esperjenza tajba mat-tim. Ħafna qed jittmaw li issa jkun Mourinho li jgħin lill-klabb jerġa’ lura għal livelli li kien meta kien taħt it-tmexxija ta’ Alex Ferguson.

“Il-karriera ta’ Sir Alex hi unika u naħseb li impossibbli li wieħed ikollu karriera bħal tiegħu. Naħseb li l-aħħar manager fil-Premiership li se jkollu avventura twila ma’ klabb hu Arsene Wenger ta’ Arsenal. Jien ukoll nixtieq li ndum ħafna snin inmexxi lil dan it-tim imma naf ir-realtà.”

Intant, preżenti jsegwi sessjoni ta’ taħriġ ta’ Man Utd kien hemm Nico Rosberg, l-ekssewwieq tal-Formula 1 li sena ilu rtira mill-isport jiem wara li kien għadu kemm rebaħ it-titlu mondjali.