Futbol Sport

Rekord ta’ timijiet fil-kampjonati tal-Masters

Mix-xellug: Il-President ta' Masters Football Malta Mario Meli, Michael Galea minn MAPFRE MSV Life u s-Segretarju Jean Pierre Mifsud

L-assoċjazzjoni Maltija tal-Masters se jkollha l-akbar ammont ta’ timijiet parteċipanti mit-twaqqif tagħha, b’total ta’ 13-il tim. Dettalji ngħataw waqt konferenza stampa fejn il-President ta’ Masters Football Malta Mario Meli qal li l-assoċjazzjoni qed tkompli tissaħħaħ b’aktar timijiet jiżdiedu fil-kampjonati u sostna li dan ifisser li l-isforzi qed ikunu rikonoxxuti.

F’dan l-istaġun, saret riforma hekk kif se jkun hemm żewġ kampjonati, b’sitt timijiet fil-kampjonat Premier u seba’ timijiet fl-ewwel diviżjoni, b’żewġ timijiet ikunu promossi u relegati.

Minbarra l-kampjonat, reġgħu ġew konfermati t-tournaments tal-Pre-Season, tal-Milied, tal-Għid u s-Super Cup. Mario Meli għamel referenza wkoll għat-tim nazzjonali, u kkonferma li l-kowċ Charles Agius ġie konfermat għas-sentejn li ġejjin.

Ir-rappreżentant ta’ MAPFRE MSV Life Michael Galea qal li din hi l-ħames sena li l-kumpanija qed tgħin lill-Masters Football Malta. Galea qal li kien impressjonat bix-xogħol u d-dedikazzjoni ta’ dawk involuti li permezz tagħhom din is-sena hemm l-akbar numru ta’ timijiet parteċipanti, u sostna li dan juri li l-interess f’dan il-kampjonat qiegħed dejjem jikber.

Galea qal li huma l-akbar kumpanija tal-assigurazzjoni f’pajjiżna u għandhom id-dmir ukoll li jagħtu s-sapport lill-isport. Michael Galea qal li biex jgħinu jagħtu dehra aħjar lill-kampjonat Premier, nedew logo ġdid tal-kampjonat, filwaqt li ħabbru wkoll li se jkunu qed jintroduċu l-plejer tax-xahar.

Is-Segretarju Jean Pierre Mifsud rringrazzja lill-isponsors u d-delegati u qal l-livell dejjem qed jiżdied fejn qed jiġu ntrodotti plejers ġodda. Mifsud qal ukoll li f’dan l-istaġun, it-tim Malti se jkun qed jieħu sehem fil-Malta Cup bejn l-1 u t-3 ta’ Marzu.

Barra minn hekk, it-tim Malti se jkun qed jilgħab partita kontra tim Ingliż lejliet li t-tim nazzjonali Malti tal-futbol jilgħab il-partita tant mistennija kontra l-Ingilterra, filwaqt li mistenni jkun impenn ieħor għat-tim Malti kontra Fiorentina.

Il-captain tat-tim nazzjonali Brian Said ħeġġeġ lill-plejers kollha biex jingħaqdu f’dawn il-kampjonati għaliex sostna li huma qed ikollhom l-opportunità li jkomplu jilagħbu l-isport li tant iħobbu. B’referenza għat-tim nazzjonali, Said qal li jittama li jilagħbu kontra timijiet aktar b’saħħithom.

Finalment telgħu l-poloz għaż-żewġ kampjonati u t-Tools Planet pre-season tournament. Il-logħob għal bidu tal-istaġun se jintlagħbu fil-grawnd tal-Melita, minħabba li l-grawnd naturali ta’ Attard jinsab għaddej b’manutenzjoni biex jinbidel il-wiċċ. F’dan it-tournament ta’ qabel l-istaġun il-poloz fir-rawnd preliminari huma:

Tarġa Gap v Valletta

Wardija v Żurrieq Wolves

JIVAL v Rabat Cavette

Marsa White Stars v Birkirkara

Melita Celtic v Most Shaggy

Dingli Desana, Żabbar Masters, Tal-Qroqq Versity se jkunu qed jidħlu fil-kwarti tal-finali.

Il-poloz tal-ewwel ġurnata tal-kampjonat MAPFRE MSV Life Premier huma:

Marsa White Stars v Dingli Desana

Rabat Cavette v Wardija

Birkirkara v Mosta Shaggy

Il-poloz tal-ewwel ġurnata tal-kampjonat CISK Lager tal-ewwel diviżjoni huma:

Melita v Tal-Qroqq

JIVAL v Żurrieq Wolves

Tarġa Gap v Valletta St. Pauli

Tags