Futbol Sport

TRASFERIMENTI – Chelsea jakkwistaw lil Morata

Tard l-Erbgħa filgħaxija Chelsea ħabbru li akkwistaw lill-attakkant Alvaro Morata mingħand Real Madrid. Morata li f’dawn l-aħħar snin kien misluf lil Juventus iffirma kuntratt ta’ sentejn maċ-champions Ingliżi. Chelsea ħallsu s-somma ta’ madwar 70 miljun lira sterlina.

Il-manager ta’ Chelsea, Antonio Conte, li minn naħa tiegħu għadu kemm iffirma kuntratt ġdid mal-Blues, minn dejjem kien ammiratur ta’ Morata minħabba li kien ħadem miegħu meta t-tnejn li huma kienu għadhom ma’ Juventus.

F’dawn l-aħħar ġimgħat Manchester Utd akkwistaw plejer li kien segwit minn Chelsea, Romelu Lukaku, u issa Chelsea wieġbu lir-Red Devils bl-akkwist ta’ dan il-plejer Spanjol li fl-istaġun li għadda skurja 20 gowl mal-Merengues.

Minkejja li Morata reġa’ ngħaqad ma’ Real wara li kien misluf lil Juventus xorta waħda ma kisibx post regolari mat-tim immexxi minn Zidane u fl-istaġun li għadda l-maġġoranza tal-partiti li lagħab, kien bħala sostitut.

Jidher li issa hu se jkun qed jimla l-post ta’ attakkant Spanjol ieħor li jidher li se jħalli lil Chelsea, Diego Costa. Dan tal-aħħar kien infurmat permezz ta’ SMS mingħand Conte li mhux se jkun qed jifforma parti mill-pjanijiet tiegħu għall-istaġun li ġej.

Morata hu r-raba’ akkwist ta’ Chelsea dan is-sajf wara li akkwistaw lil Bakayoko, Willy Caballero u Antonio Rudiger.

Szczesny ma’ Juventus
Juventus akkwistaw lill-gowlkiper ta’ Arsenal Szczesny għas-somma ta’ 12.2 miljun ewro.

Il-gowlkiper Pollakk iffirma kuntratt ta’ erba’ snin maċ-champions Taljani u dan mistenni jieħu l-post vakant li ħalla l-gowlkiper ta’ riserva Neto li ħalla lit-tim ftit tal-ġimgħat ilu biex ingħaqad ma’ Valencia.

Szczesny issa se jkun ir-riserva tal-gowlkiper Gigi Buffon li hu mistenni jilgħab l-aħħar staġun tiegħu qabel ma jirtira wara t-Tazza tad-Dinja tal-2018.

Szczesny mhux se jkun ġdid għas-Serie A minħabba li f’dawn l-aħħar żewġ staġuni dan kien misluf lil Roma.