Kunsilli Lokali Lokali

Il-Floriana titlob ħarsien xieraq tal-komunità tagħha

Ritratt: Kunsill Lokali Floriana
"Dan m'hu xejn aktar milli suppost, il-Floriana u l-komunità tagħha qed nitolbu ħarsien, ħarsien li għandu jħaddan u jħares il-komunità Furjaniża li hija l-qalb tal-lokal innifsu."

Il-Kunsill Lokali tal-Floriana permezz ta’ stqarrija qal li l-għanjiet tal-politika tal-ippjanar għall-Floriana, kif deskritt fil-Pjani Lokali taz-zona tal-Port il-Kbir li hemm bħalissa jirriflettu b’mod ċar il-problema rikonoxxuta ta’ interessi varji fil-lokal tagħna tal-Floriana, fejn il-bilanċ bejn użu residentenzjali u kummerċjali qed jinbidel għad-detriment tal-komunità residenzjali.

Il-Kunsill stqarr li fl-aħħar snin ingħataw permessi għal akkomadazzjoni ta’ uffiċċji ġodda u dan l-iżvilupp jinvolvi mill-ġdid, il-bidla tal-użu tal-bini residenzjali għal dak kummerċjali. Dan qed iwassal biex jinħoloq preċident mhux mixtieq. Azzjoni li mhux tħares il-politika li suppost tħares il-lokal Furjaniż, azzjoni li tipperikola l-politika tal-Pjan Lokali biex iżomm u ssaħħaħ il-komunità residenzjali fil-Floriana.

Din il-problema, li hija msemmija ferm u ta’ spiss mill-Kunsill Lokali kollu Furjaniż hija rikonoxxuta speċifikament mill-Policy GF 15, policy li hija mfassla biex tikkontrolla b’mod strett hafna aktar uffiċċji ġodda fil-Floriana.

Il-Kunsill qal li din il-politika suppost qegħda hemm biex twaqqaf it-tnaqqis ta’ popolazzjoni residenzjali fil-lokal, sabiex ikun hemm aktar lok għal bini residenzjali, li permezz tagħha l-popolazzjoni tal-Floriana terġa tieħu r-ruħ.

L-istqarrija tkompli fejn tgħid li sfortunatament il-Kunsill Lokali tal-Floriana jistaqsi, jekk dan huwx isir, jekk din il-politika qed tiġi mħarsa kif huwa xieraq.

Il-Kunsill Furjaniż għalaq l-istqarrija billi qal u ħeġġeġ lil dawk kollha konċernati biex il-politika ta’ ħarsien tal-lokal, mill-ġdid, tkun implimentata b’saħħa u kif suppost biex ftit ftit il-problema ta’ riġenerazzjoni fil-lokal tibda’ tiġi megħluba.