Lokali Qorti

Il-Ġuri dwar assoċjazzjoni fi traffikar ta’ droga joqrob lejn tmiemu

Il-Prosekuzzjoni u d-Difiża jargumentaw fuq il-kredibilita' tax-xhud ewlieni: il-"courier" li kien inqabad b'60 kapsola li kellhom qrib 600 gramma droga kokaina fl-istonku. Attila Somlyai, li qed jiskonta sentenza ta' 9 snin ħabs, għen lill-pulizija f'konsenja kontrollata li wasslet għall-arrest tal-akkużat.

Il-Ġuri ta’ Ikechukwu Stephen Egbo, Niġerjan ta’ 38 sena li jinsab akkużat b’konfoffa sabiex jittraffika d-droga kokaina qed joqrob lejn tmiemu hekk kif matul il-ġurnata tal-bieraħ, il-Prosekuzzjoni u d-Difiża għalqu s-sottomissjonijiet tagħhom.

Il-każ imur lura għal Novembru 2010, meta Attila Somlyai, ċittadin Rumen kien interċettat mill-pulizija meta wasal Malta f’titjira minn Dusseldorf. Wara li kien eżaminat fl-Isptar Mater Dei, instab li Somlyai kellu 60 kapsula tad-droga kokaina fl-istonku li kienu jammontaw għal kważi 600 gramma kokaina. Somlyai, li qed jiskonta sentenza ta’ 9 snin ħabs, kien ix-xhud ewlieni f’dan il-ġuri fejn il-Prosekuzzjoni qed tixli lil Egbo li hu d-destinatarju tad-droga li biha inqabad Somlyai.

Hi propju l-kredibilita’ tax-xhieda ta’ Somlyai li tinsab fiċ-ċentru tal-argumenti finali kemm tal-Prosekuzzjoni kif ukoll tad-Difiża.

L-Avukat Simon Micallef Stafrace, li qed jidher għal Egbo, fakkar lill-ġurati li l-evidenza diretta tal-espert imqabbad mill-Qorti Martin Bajada ikkonfermat li ma kienx hemm komunikazzjoni bejn Somlyai u l-akkużat. Xi ħaġa li tikkontradixxi dak li qal ix-xhud ewlieni u li waħedha, diġà hi biżżejjed biex tnissel dubju raġjonevoli li jeħles lill-akkużat.

L-Avukat semma wkoll il-filmat tas-CCTV fis-supermarket f’Tas-Sliema ftit qabel seħħ l-arrest ta’ Egbo u qal li l-filmati li ntwerew, fl-ebda ħin ma deher ix-xhud hdejn l-akkużat Egbo. “Il-filmati ma juru assolutament xejn,” tenna l-Avukat Micallef Stafrace li kkritika n-nuqqasijiet ta’ proċedura min-naħa tal-pulizija u sostna li wieħed jistenna ħafna aħjar minn pulizija li ilhom jaħdmu snin twal fl-iskwadra ta’ kontra d-droga.

Id-Difiża kompliet li gidba oħra tax-xhud Attila Somlyai hi dik li Egbo telaq jiġri barra mis-supermarket meta dan ma jirriżulta minn imkien.

“M’għandniex it-telefon ċellulari li minnu suppost saret it-telefonata u m’għandniex il-moviment ta’ Attila fis-supermarket fil-filmati ta’ CCTV. Lanqas biss suppost qegħdin hawn għax m’hawn xejn ħlief il-kliem ta’ xhud li qed jigdeb,” qal l-Avukat Micallef Stafrace.

Id-Difiża staqsiet ukoll kif Egbo ma nstab b’ebda flus fuqu fil-ħin tal-arrest meta suppost kellu jsir skambju bi flus għal droga. L-Avukat Simon Micallef Stafrace ikkonkluda li ma hemm ebda evidenza fiżika li turi rabta bejn l-akkużat u d-droga.

Il-Prosekuzzjoni

Fir-replika tagħha, l-Avukat Giannella Camilleri Busuttil Skont il-liġi, Attila Somlyai xorta irid jitla’ l-Qorti, jgħaddi mill-proċeduri u jwieġeb għal għemilu. Għalkemm il-persuna qed tgħin il-Pulizija, dik il-persuna xorta waħda tkun wettqet offiżi kriminali.

Fil-fatt Attila tressaq il-Qorti fuq tliet kapi ta’ akkuża u bħalissa qed jiskonta sentenza ta’ disa’ snin priġunerija

Hi qalet li realta’ kerha tat-traffikar tad-droga hi li t-traffikanti isibu persuni vulnerabbli u ddisprati li għal ftit ewro, lesti jieħdu riskji kbar biex idaħħlu d-drogi f’Malta. Riskji kemm għaliex jinqabdu kif ukoll riskju għal saħħithom f’każ li l-kapsoli li jkollhom fl-istonku jinfetħu.

L-Avukat Camilleri Busuttil fakkret li l-flus bħala ħlas għad-droga ma jkunu qatt fdati lill-courier.  Id-droga misjuba kienet ta’ purita’ għolja u kellha valur ta’ madwar €45,000. Il-purita’ tagħha tindika li kienet se tkun mħallta biex tkabbar il-kwantita’ u l-profitti.

Il-Prosekuzzjoni qed titlob lill-ġurati biex isibu lil Egbo ħati li kien parti minn pjan biex jimporta u jittraffika d-droga. L-Avukat Camilleri Busuttil spjegat li l-liġi tgħid li hi biżżejjed biex l-ġudikant jew il-ġurati jsibu ħtija ibbażat biss fuq xhieda ta’ persuna waħda.

Dwar ix-xhieda ta’ Attila Somlyai, il-Prosekuzzjoni sostniet li x-xhud ta dettalji dwar il-pjan li kien hemm bejnu u l-akkużat Egbo li hu biżżejjed biex il-ġurati jaslu għal verdett ta’ ħtija fil-konfront tiegħu.

Minbarra l-evidenza diretta, hemm ukoll l-evidenza ċirkostanzjali li flimkien qed jippontaw lejn il-konklużjoni li Egbo kien jaf x’inhu għaddej, li kien mar f’Tas-Sliema u fil-lukanda Roma għall-iskop speċifiku li jiġbor il-kapsoli tad-droga fuq struzzjonijiet tal-‘boss’ Niġerjan li jinsab fl-Olanda.

“Il-Pulizija m’għanhiex interess li żżid mal-fatti tal-każ u l-membri tal-Korp li xehdu ma qalu xejn ħlief il-verita’: li ma sabux droga jew flus fuq il-persuna tal-akkużat,” qalet l-Avukat Camilleri Busuttil. Il-Pulizija marru fil-lukana Roma mhux b’kumbinazzjoni iżda fuq l-istruzzjonijiet speċifiċi li ngħataw lil Somlyai.

F’din is-sitwazzjoni inċerta, kompliet il-Prosekuzzjoni, id-Difiża qed tippretendi li l-Pulizija jieħdu l-filmati u r-ritratti. “F’dawn iċ-ċirkostanzi inċerti ta’ konsenja kontrollata, il-ġurati iridu jibbażaw il-konklużjoni tagħhom fuq dak li hemm preżentat, mhux fuq dak li m’għandhomx. Kieku l-Prosekuzzjoni kellha ritratt jew filmat, hi kienet tippreżentah,” tenniet l-Avukat Camilleri Busuttil.

Il-każ  mistenni jkompli għada meta l-Imħallef Edwina Grima tindirizza lill-ġurati qabal ma tibgħathom biex jiddeliberaw il-każ. Il-Prosekuzzjoni qed titmexxa mill-Avukat Giannella Camilleri Busuttil mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali filwaqt li l-Avukati Simon Micallef Stafrace u Marc Sant qed jidhru għal Ikechukwu Stephen Egbo.