Ewropa Lokali

“Il-ħolma Ewropea għadha ħajja” – Simon Busuttil

“Minkejja li dawn l-aħhar snin kien hemm klima ta’ pessimiżmu dwar l-Unjoni Ewropea, illum hemm aktar skop għal ottimiżmu.” Qal dan il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil meta kien qed jindirizza l-attività l-għeluq tal-kampanja ‘Zero Hour’.

‘Zero Hour’ kienet kampanja organizzata mill-għaqda tal-istudenti JEF Malta u li inkludiet workshops, dibattiti, żjarat fl-iskejjel u attivitajiet oħra bl-iskop li titqajjem kuxjenza dwar numru ta’ suġġetti, fosthom is-saħħa mentali, kwistjonijiet marbuta mal-komunità LGBTIQ, ir-radikaliżmu fiż-żgħażagħ u fuq kollox dwar il-komunità Ewropea.

Fl-indirizz tiegħu, Simon Busuttil qal li jeħtieġ li nirriflettu bis-serjetà dwar it-tifsira tal-federaliżmu llum, b’mod partikolari fl-isfond tal-mewġa ta’ politika populista madwar il-pajjiżi Ewropej. Huwa faħħar l-inizzjattiva ta’ JEF Malta li tressaq liż-żgħażagħ aktar lejn il-proġett Ewropew.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li għalkemm l-għażla ta’ Brexit hija diffiċli għal dawk li jemmnu fl-Unjoni Ewropea, fiha nfisha din ġabet skoperta ġdida ta’ dak li tfisser tassew l-Unjoni Ewropea u aktar nies qegħdin jindunaw li din hija kawża valida u importanti.

Simon Busuttil qal li wara r-referendum fir-Renju Unit, ir-reazzjoni fil-bqija tal-pajjiżi membri kienet waħda ta’ aktar appoġġ għall-idea ta’ Ewropa magħquda u din tidher b’mod partikolari fir-riżultat tal-aħħar elezzjoni fir-Renju Unit, fejn il-gvern ta’ Theresa May ma rnexxilux jirbaħ l-appoġġ li kien qed jistenna għal mandat biex jinnegozja Hard Brexit.

Simon Busuttil qal li anke l-elezzjoni presidenzjali fi Franza uriet biċ-ċar li l-poplu Franċiż irid jagħti enerġija ġdida lill-ħolma Ewropea. Huwa sostna li hemm sinjali li r-relazzjoni bejn il-Ġermanja u Franza, li kienet tat bidu għal dan il-proġett politiku ambizzjuż, issa se tagħti impetu ġdid għat-tisħiħ tal-Unjoni Ewropea.

Simon Busuttil innota li aktar ma’ pajjiż ikun fil-periferija tal-kontinent Ewropew, aktar ifittex integrazzjoni sħiħa fl-Unjoni Ewropea. Huwa qal li dan kien jidher ċar fil-presidenza Maltija fejn kulħadd għamel il-parti tiegħu biex din tkun suċċess.