Lokali

Il-karozza tal-linja għall-Isptar ma titfaċċax f’Ħ’Attard

Il-karozza tal-linja għall-Isptar Mater Dei li kull siegħa suppost hi skedata li tgħaddi minn Ħ’Attard, ilbieraħ ma għadditx minn din il-lokalità, b’diversi passiġġiera li kellhom appuntament l-Isptar Mater Dei jesprimu r-rabja tagħhom għall-mod kif ġew injorati.

In-Nazzjon illum jirrapporti kif pensjonanta li ċemplet lil In-Nazzjon, esprimiet id-diżappunt tagħha u r-rabja għall-mod kif qed jitħaddem it-trasport pubbliku. Ilbieraħ, din l-anzjana kellha tħallas taxi biex tasal fil-ħin għal appuntament l-Isptar Mater Dei wara li għamlet ġin twil tistenna fi Triq il-Linja mingħajr ma qatt titfaċċa l-karozza tal-linja li tiċċirkula fil-lokalità ta’ Ħ’Attard – suppost kull siegħa biex twassal lura u tieħu n-nies lejn u minn l-Isptar Mater Dei.

L-esperjenza qarsa tal-bieraħ ta’ din il-mara pensjonanta bdiet għall-ħabta tat-8.30am tal-bieraħ, meta ħarġet fuq il-bus stop biex tistenna t-trasport pubbliku għall-Isptar, li normalment fissret li jgħaddi għall-ħabta tad-8.50pm.

L-appuntament l-Isptar kien fil-11am u għaldaqstant, kif bdiet tesperjenza dan id-dewmien li ma kienx l-ewwel darba, bdiet iċċempel. It-telefonati lil Transport Malta kienu kollha inutli minħabba li ħadd ma beda jirrispondi. Telefonata fuq in-numru indikat fuq ‘Tallinja Card’ fl-aħħar irriżultat fil-pożittiv, iżda t-tweġiba kienet li “ma jidhirx li hemm trasport”, iżda “forsi, forsi, forsi jkun hemm waħda f’nofsinhar neqsin kwart”.

Kien hawn meta l-pensjonanta qatgħet qalbha u biex tasal fil-ħin għall-appuntament f’Mater Dei, qabdet taxi.

L-istess pensjonanta rrimarkat li hu taħt din il-kumpanija Spanjola li s-servizz tat-trasport pubbliku għal Mater Dei ma baqax kull nofs siegħa u twal għal kull siegħa, bis-servizz illum hu wieħed li ma tista’ qatt tafdah.