Lokali

Il-PN irid jbqa’ impenjat li jimbotta ‘start-ups’ lokali; żjara fl-uffiċini tal-eCABS

Il-PN jagħżel 'start-up' suċċess għall-ewwel żjara politika wara l-elezzjoni

Kumpanija li twieldet sitt snin ilu f’Malta, illum tħaddem mal-450 ħaddiem, għandna uffiċini ġodda, u għandha flotta ta’ karozzi li taqbeż il-120. Il-kumpanija eCABS illum hija kumpanija li permezz ta’ mudell tajjeb, irnexxiela tkompli tikber.

Qal dan il-Kelliem għall-Affarijiet Ekonomiċi u l-Kompetittività Claudio Grech meta żar l-uffiċini tal-eCABS f’San Ġiljan, akkumpanjat mill-Kelliema għas-Settur tas-Servizzi Kristy Debono u l-Kelliem għat-Turiżmu u l-Air Malta Robert Arrigo.

F’indirizz li għamel, Claudio Grech qal li l-kumpanija eCABS irnexxielha tħaddem mudell ekonomiku li għandu jkun eżempju tal-mudell ekonomiku tal-pajjiż. Faħħar il-fatt li l-kumpanija mhijiex biss start-up lokali, iżda hija wkoll kumpanija indiġena għall-bżonnijiet tal-pajjiż u li fuq kollox taħdem b’innovazzjoni fis-settur tat-trasport. Żied li l-Partit Nazzjonalista għażel ‘start-up’ suċċess bħala l-ewwel żjara politika minn wara l-elezzjoni f’turija li l-Partit Nazzjonalista jrid ikompli jimbotta kumpaniji ġodda u innovattivi.

Min-naħa tiegħu, Robert Arrigo qal li setturi oħra għandhom jikkupjaw il-mudell ta’ eCABS filwaqt li tenna l-impenn li ‘start-ups’ oħra jkunu jistgħu jkomplu jibnu fuq is-suċċess li jagħmlu. Kristy Debono, min-naħa tagħha qalet li eCABS kienet ambizzjuża meta għażlet li tibda topera f’settur mimli sfidi, iżda permezz tar-riċerka, l-innovazzjoni u l-iżvilupp, irnexxielha tagħmel isem għaliha – u dan minkejja li s-settur tat-trasport għadu wieħed li joffri diversi sfidi u diffikultajiet.

Id-delegazzjoni mill-Partit Nazzjonalista ddawret mal-uffiċini tal-eCABS mill-Kap Eżekuttiv tal-kumpanija Matthew Bezzina, li kkritika n-nuqqas ta’ ppjanar fit-tul mill-politiċi. Qal li kull Gvern jwettaq miżuri li ma jkunux sostenibbli u li biex il-pajjiż isolvi l-problema tat-traffiku jrid jippjana fit-tul u wara kunsens politiku bejn il-partijiet kollha.

eCABS tuża teknoloġija moderna biex toffri servizzi ta’ taxi madwar Malta. Il-kumpanija ħolqot post tax-xogħol li qed jattira numru ta’ ħaddiema żgħażagħ, fosthom nisa, waqt li qed tkabbar id-database ta’ informazzjoni li permezz tagħha jingħata servizz aqwa għan-nies li jużaw it-taxis ta’ eCABS.