L-Imħallef ewlieni fil-Brażil li jipproċessa każi tal-korruzzjoni ddeċieda li jiffriża l-kontijiet bankarji tal-eks-President Brażiljan Soċjalista, Luiz Inacio Lula da Silva, wara li da Silva spiċċa kkundannat għall-korruzzjoni.
Dan meta da Silva – li beħsiebu jikkuntesta l-elezzjonijiet tas-sena d-dieħla fil-Brażil — qed jiċħad l-akkużi li fissirhom bħala ‘miżuri qarrieqa bi skop politiku’.
L-iffriżar, skont id-direttiva tal-Imħallef, Sergio Moro, ikopri wkoll tliet appartamenti, medda ta’ art u żewġ karozzi li huma lkoll proprjetà tal-eks- President; bl-assi totali ta’ da Silva jkunu stmati mat-3.7 miljun ewro.
Proprju l-ġimgħa l-oħra, l-Imħallef Moro kien ikkundanna lill-eks-President da Silva għal disa’ snin u nofs ħabs talli aċċetta t-tixħim.
Lula da Silva hu wieħed biss minn diversi kapijiet poltiċi u kummerċjali ewlenin ( fil-Brażil) li ffaċċjaw l-akkużi b’konnessjoni mal-iskandlu kbir tal-korruzzjoni, imlaqqam Car Wash u li kien ilu għaddej għal snin.
L-Imħallef qal li l-iffriżar kien pass neċessarju ‘għar-riparazzjoni tal-ħsarat li oriġinaw fir-reati’. Ingħad ukoll li ntilfu ammont ta’ flus assoċjati ma’ kuntratti kbar mal-kumpanija taż-żejt Statali, Petrobras.
Fil-fatt, l-Imħallef Moro kiteb li mhux possibbli li wieħed isib il-kumplament tal-flus li tħallsu f’tixħim b’konnessjoni mal-korruzzjoni fil-każ ‘Petrobras’. Intant, mhux ikun eskluż li dawn il-flus intużaw biex jiffinanzjaw il-kampanji elettorali b’mod illegali.
L-Imħallef Moro, fil-preżent, qed igawdi popolarità kbira fil-Brażil bħala protagonista kontra l-korruzzjoni.
Aktar qabel, l-Imħallef kien ħareġ direttivi biex jinħataf appartament lussuż viċin il-bajja, fil-belt ta’ Guaruja, fl-Istat ta’ Sao Paolo. Dan fost allegazzjonijiet li kumpanija tal-kostruzzjoni kienet wegħdet l-appartament lil Lula da Silva ‘talli akkwistalhom tliet kuntratti mal-kumpanija Petrobras’.
Sadattant, l-eks-President Brażiljan qed ikompli jiċħad li għamel xi ħaġa ħażina u li dan l-appartament, xi darba, kien il-proprjetà tiegħu. Dan waqt li hu qed jinsisti li spiċċa mira ‘ta’ kaċċa inġusta’ biex hu, ’il quddiem, ma jerġax jikkuntesta għall-Presidenza tal-Brażil.’
Lula da Silva, li kien serva bħala l-Kap ta’ Stat bejn l-2003 u l-2010, impenja ruħu biex jappella kontra l-kundanna tal-qorti dwar il-korruzzjoni. Hu għandu jibqa’ persuna ħielsa sat-tmiem tal-proċess legali.
//= $special ?>

