Lokali Qorti

Jitlob €187,000 minn Transport Malta minħabba tkeċċija inġusta

Raġel li jinsab mixli bi frodi u miżapproprjazzjoni ta’ flus pubbliċi qed jitlob kumpens ta’ €187,000 mill-Awtorita tat-Trasport wara li din keċċietu mill-impjieg meta saret taf bil-każ li qed jiffaċċja.

It-talba ta’ Ian Falzon saret quddiem it-Tribunal Industrijali hekk kif l-avukati tiegħu u tal-Awtorita tat-Trasport għamlu s-sottomissjonijiet finali qabel jiġi deċiż jekk it-tkeċċija tiegħu kinietx ġustifikata jew le.

Falzon jinsab akkużat quddiem il-Maġistrat Aaron Bugeja li meta kien jokkupa l-kariga ta’ Direttur Finanzjarju tal-Malta Air Traffic Services Limited (MATS) iffroda u għamel użu ħażin minn madwar €150,000. Falzon wieġeb mhux ħati ta’ dawn l-akkużi.

Fis-sottomissjonijiet tiegħu quddiem it-Tribunal Industrijali, l-Avukat Araon Mifsud Bonnici f’isem Transport Malta iġġustifika t-tkeċċija ta’ Falzon billi qal li kuntratt bejn żewġ naħat huwa ibbażat fuq il-fiduċja imma l-awtorita’ tilfet il-fiduċja li kellha f’Falzon meta saret taf bil-każ.

Huwa żied li meta l-Awtorita tat-Trasport impjegat lil Falzon ma kinietx taf b’dak li kien akkużat bih u nsista li Falzon kien obbligat li jżomm lill-‘employers’ tiegħu nfurmat b’dak li kien għaddej minnu imma ma għamilx dan u għalhekk l-imsemmija awtorita ħassitha li kienet esposta b’dan il-każ.

Min-naħa tiegħu l-Avukat Matthew Brincat, li deher għal Falzon, qal li meta l-klijent tiegħu kien impjegat mill-Awtorita’ tat-Trasport ma kienx jaf bl-akkużi li eventwalment ħarġet il-Pulizija fil-konfront tiegħu.

Huwa qal li l-Awtorita tat-Trasport ippruvat iġġiegħlu jirriżenja u nsista li kienet żbaljata meta għamlet dan meta setgħet tissospendih sakemm jinqata l-każ kriminali li għadu pendenti u għalhekk f’għajnejn il-liġi Falzon għadu meqjus bħala innoċenti.

L-Avukat Brincat żied li impjegat ma jistax jitkeċċa mingħajr ma qabel tinħariġlu ‘charge’ jew jintalab jiġġustifika lilu nnifsu u iddikjara li l-liġi tgħid li min iħaddem ma jistax ikeċċi ħaddiem bl-iskuża li jkun tilef il-fiduċja tiegħu fih.

L-Avukat Brincat talab ukoll lit-Tribunal Industrijali biex mhux biss isib lill-Awtorita tat-Trasport ħatja li keċċiet lil Falzon b’mod inġust imma wkoll biex tagħtih €187,000 fi ħlas li kien għad irid jieħu minn meta tkeċċa sakemm kellu jintemmlu l-kuntratt ta’ tliet snin magħha.

Il-każ qed jinstema’ quddiem Edmond Tabone