Is-Senatur John McCain, in-nominat Repubblikan għat-tellieqa Presidenzjali tal-2008, fl-Istati Uniti, qed ibati minn kanċer f’moħħu. Dan żvelah l-Uffiċċju ta’ McCain wara stqarrija mill-Mayo Clinic.
It-tip ta’ kanċer ta’ McCain hu fost l-aktar komuni, iżda hu wkoll fost l-aktar tumuri perikolużi u aggressivi li – minkejja t-trattament dovut bil-kimoterapija – dejjem ifeġġu mill-ġdid ladarba jitneħħew bil-kirurġija.
Intant, John McCain qed jirkupra fid-dar tiegħu f’Arizona u kelliema għalih qalu li hu japprezza ħafna l-appoġġ li qed jirċievi f’dawn il-jiem. Issa hu għandu jiddeċiedi meta jirritorna fis-Senat u wara li hu jingħata l-pariri mingħand il-konsulenti mediċi.
L-analiżi ta’ McCain heżżet lis-Senat fejn hu jibqa’ personalità popolari minkejja li ta’ spiss ikollu l-battibekki mal-kollegi tal-Partit Repubblikan u l-Partit Demokratiku.
Il-marda tiegħu, din il-ġimgħa, kellha implikazzjonijiet għad-dibattitu dwar il-kura tas-saħħa, fejn is-Senatur Repubblikan minn Kentucky, Mitch McConnell – il-Kap tal-maġġoranza fis-Senat — ippospona proċess partikulari sakemm John McCain ikun jista’ jirritorna f’Washington.
McConnell tkellem dwar John McCain fis-Senat u fissru bħala bniedem eżemplari għall-membri Repubblikani u għall-pajjiż kollu.
John McCain hu magħruf għall-politika u l-atteġġjament indipendenti tiegħu wara aktar minn 30 sena jirrappreżenta lill-Istat ta’ Arizona fis-Senat.
McCain, li ġej minn familja prominenti ddedikata lis-servizz militari, ilu involut fil-ħajja pubblika mis-snin sittin.
Hu kellu wkoll karriera politika twila ħafna u l-eks-President tal-Istati Uniti Barack Obama – li fl-2008 kien għeleb lil McCain fl-isfida diretta għall-White House – fisser lis-senatur bħala ‘eroj u wieħed mill-aktar ġellieda kuraġġjużi li hu qatt iltaqa’ magħhom.’
Barack Obama, l-istess bħall-President attwali tal-Istati Uniti, Donald Trump u l-eks- Presidenti Amerikani Bill Clinton u George Bush (il-missier tal-eks-President George W. Bush) kollha ħarġu stqarrijiet biex jawguraw lil McCain fejqan ta’ malajr.
John McCain, fil-preżent, qed imexxi lill-Kumitat tas-Senat għas-Servizzi Armati waqt li hu favur li tintuża s-saħħa militari ’il hinn mill-Istati Uniti. Dan meta s-Senat qed iħejji biex jibda x-xogħol fuq il-miżura politika annwali tal-Pentagon li pproduċa l-istess Kumitat.
//= $special ?>


