Isaac Schembri, ta’ 22 sena mill-Imġarr, kien liberat mill-akkużi kollha wara li ma kienx hemm provi biżżejjed li kien qed isuq bi traskuraġni u b’mod perikoluż bil-Maġistrat tirrimarka li kienet il-vittma li baqgħet dieħla fl-akkużat.
L-inċident seħħ fis-16 ta’ Diċembru 2012 għall-ħabta tal-11.40a.m fi Triq Buqana fil-limiti tar-Rabat meta Schembri, li kien qed isuq karozza tal-għamla Mazda Demio, kien akkużat li b’mod involontarju kkaġuna ġrieħi gravi lil Arnold Farrugia li kien qed isuq mutur tal-għamla Kawasaki u li kkaġuna ħsara involontarja fuq mutur ieħor tal-għamla Ducati li hu propjeta’ ta’ Grezzju Farrugia.
Il-vittma xehed li meta kien qed isuq minn Għajn Tuffieħa fid-direzzjoni lejn ir-Rabat, f’daqqa waħda ħarġet karozza mill-pompa tal-petrol J Micallef u waqfet ħesrem. Farrugia xehed li hu kien viċin ħafna meta l-karozza ħarġet mill-pompa tal-petrol u ma ħallietlux biżżejjed ħin biex iwaqqaf il-mutur u li eventwalment wasslet għall-ħabta.
Arnold Farrugia qal li kellu jagħmel tliet operazzjonijiet minħabba l-ġrieħi li ġarrab fl-inċidenti.
Fil-kontroeżami, Farrugia ammetta li s-sinjali tal-karreġġjata fejn il-pompa tal-petrol m’humiex kontinwi u ċaħad li l-vettura ta’ Schembri kienet wieqfa f’dik il-parti tat-triq riservata biex il-karozzi li sejrin fid-direzzjoni tal-Mosta jistgħu jidħlu għall-pompa tal-petrol.
Grezzju Farrugia ikkonferma din il-versjoni tal-fatti u xehed li hu ma ħabatx mal-karozza ta’ Schembri għaliex irnexxielu jevita l-karozza fil-ħin imma xorta ġarrab ħsarat fil-mutur wara li skiddja.
Min-naħa tiegħu, l-akkużat Isaac Schembri spjega li ħareġ lejn iż-żewġ naħat qabel ħareġ mill-pompa tal-petrol. Hu qal li kien ra żewġ karozzi fil-karreġġjata fid-direzzjoni lejn il-Mosta u kellu biżżejjed ħin biex joħroġ. Hekk kif ħareġ fuq il-parti tat-triq li tagħti għall-Mosta, Schembri qal li ra żewġ muturi, wieħed minnhom ġej b’veloċita’ qawwija. Kompla li dan il-mutur qabeż dawn iż-żewġ karozzi u meta ra l-veloċita’ tal-mutur, irrealizza li mhux se jilħaq jidħol fil-karreġġjata u pprova jitla’ fuq il-bankina.
Kien f’dan il-mument li l-mutur misjuq minn Arnold Farrugia baqa’ dieħel fil-bieba ta’ wara tal-karozza tiegħu, li kellha ħsarat konsiderevoli tant li l-vetturi kienet dikjarata total loss.
Il-Qorti, preseduta mill-Maġistrat Josette Demicoli, sabet lil Schembri mhux ħati ta’ sewqan traskurat għaliex ħa l-prekawzjonijiet kollha qabel ħareġ mill-pompa tal-petrol u b’mod responsabbli, meta kien qiegħed fil-karreġġjata dedikata għal min qed idur għal ġol pompa tal-petrol, ma kompliex ħiereġ fil-karreġġjata propja iżda waqaf minħabba l-mutur li kien ġej b’veloċita’ qawwija.
Il-Qorti kompliet li kien is-sewwieq tal-mutur, jiġifieri l-vittma Farrugia, li ma qiesx il-possibilita’ li l-karozza setgħet tikser fid-direzzjoni tal-Mosta milli tkompli fid-direzzjoni lejn ir-Rabat u għalhekk, kien hu li baqa’ dieħel fil-vettur ta’ Schembri. Għaldaqstant, Isaac Schembri lanqas ma jista’ jinstab ħati li kkaġuna l-ġrieħi li sofra Farrugia għaliex il-Prosekuzzjoni ma rnexxielhiex tipprova li Schembri kien ħati ta’ sewqan perikoluż jew traskurat.
Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Robert Vella
//= $special ?>