Internazzjonali

Montenegro: Għajnuna min-NATO kontra n-nirien

L-alleati u s-sħab tan-NATO qed jipprovdu assistenza lill-Montengro għall-kontroll ta’ nirien kbar li ħakmu l-foresti tal-peniżola Lustica. Dan permezz ta’ ajruplan mill-Ukrajna u żewġ helikopters — wieħed mill-Bulgarija u l-ieħor mill-Iżvizzera — li huma attrezzati apposta biex jikkumbattu n-nirien.

Intant, żewġ ajruplani mill-Iżrael għandhom jingħaqdu f’din il-kawża fil-jiem li ġejjin.

Is-Segretarju Ġenerali tan-NATO, Jens Stoltenberg, qal li l-alleati u l-pajjiżi sħab tal-Alleanza qegħdin jipprovdu l-għajnuna kollha meħtieġa lill-Montenegro ( li ingħaqdet man-NATO madwar xahar ilu). L-għajnuna qed tkun konsistenti u Stoltenberg enfasizza li l-għajnuna qed tingħata fl-anqas żmien possibbli skont il-kunċett tas-solidarjetà Ewro-Atlantika.