Lokali

“Muscat għandu biss slogans favur l-għaqda nazzjonali” – Alex Perici Calascione

Qed joħroġ ċar li l-impenn favur l-għaqda nazzjonali li għamel Joseph Muscat lill-poplu Malti kien biss slogan ta’ l-okkażjoni li la Joseph Muscat innnifsu u lanqas dawn l-iktar viċin tiegħu ma qatt kellhom f’moħħhom li jħaddmu fil-prattika.

Dan kien il-messaġġ ewlieni tal-kandidat għall-kariga ta’ Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Perici Calascione b’referenza għall-aħbar li ċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru Keith Schembri ressaq kwerela kontra l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil.

Alex Perici Calascione qal li dan il-pass żgur li jmur kontra l-prinċipju tal-għaqda nazzjonali li tant tkellem dwaru Joseph Muscat fil-jiem tal-elezzjoni ġenerali. F’post fuq Facebook, Alex Perici Calascione qal li din l-istrateġija mhix se taħdem – la issa u lanqas wara s-16 ta’ Settembru li ġej.

Ħadd u xejn mhux se jagħlaq ħalq il-Partit Nazzjonalista fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni, sostna Perici Calascione, filwaqt li qal li wieħed jara jekk issa, din il-kwerela ta’ Keith Schembri hix se ddum xi sena fil-kexxun tal-Kummissarju tal-Pulizija fejn għadu jistenna fid-dlam ir-rapport tal-FIAU.

Alex Perici Calascione qal li jekk hu jkun Kap tal-Partit Nazzjonalista, se jassigura li Simon Busuttil ikollu l-aqwa difiża – inkluż dik legali – għaliex il-Partit Nazzjonalista se jibqa’ jkun it-tarka tas-sewwa u ta’ kull min hu ta’ rieda tajba.