Illum ħaddiema tal-Palumbo ma daħlux għax-xogħol bħala protesta hekk kif kollega tagħhom tkeċċa mix-xogħol. Madwar ghoxrin ħaddiem inġabru barra t-tarza b’solidarjetà ma’ seħibhom li kellu l-kuntratt jiskadi fl-20 t’Awwissu, madanakollu l-kumpanija Taljana sostniet li l-ħaddiem tkeċċa hekk kif kien taħt probation u xogħlu ma kienx sodisfaċenti.
Minn naħa l-oħra l-General Workers Union saħqet li dan l-atteġġament arroganti u intimidatorju tal-management ta’ Palumbo huwa inaċċettabli. Fi stqarrija l-Unjin saħqet li t-tarznari xebgħu jkunu intimidati u ċaħdet kategorikament li l-ħaddiem kien arroganti ma xi ħadd ta’ fuqu.
Il-GWU allegat li kien proprju xi ħadd f’pożizzjoni għolja li pprova jġiegħel lill-ħaddiem sabiex jikteb u jiffirma l-ittra tar-riżenja mill-impjieg fejn saħansitra r-raġel spiċċa mhedded li jekk ma jagħmilx kif kien qiegħed jingħadlu kienu se jġibulu l-Pulizija. Kien wara li ma waqgħax għat-theddid li allegatament il-management ivinta din l-iskuża. Fl-istqarrija l-GWU kompliet tispjega li għalhekk il-ħaddiema sħabu kollha qed jiċħdu l-verżjoni tal-kumpanija .
L-Unjin temmet tgħid li lesta tieħu l-azzjonijiet kollha permessi mil-liġi sabiex tipproteġi l-impjieg u d-drittijiet tal-ħaddiema u l-imsieħbda tagħha fit-Tarzna ta’ Palumbo.
Sadanittant il-kumpanija spjegat li se tkun qed tħallas lil dan l-impjegat sa tmiem il-kuntratt tiegħu, jiġifieri sal-20 t’Awwissu, minkejja li m’għanda l-ebda obbligu tagħmel dan.
Il-kumpanija ċaħdet ukoll li qed tħaddem ħaddiema barranin mingħajr m’għandhom l-isnajja meħtieġa hekk kif spjegaw li minn 110 impjegat, 90% minnhom huma Maltin filwaqt li l-bqija huma ħaddiema Taljani bi professjonalità fuq xogħolhom.
//= $special ?>

