Futbol Sport

Bonucci preżentat bħala plejer ta’ Milan

Mix-xellug: L-amministratur delegat Marco Fassone, Leonardo Bonucci u d-direttur sportiv Massimo Mirabelli

L-akkwist tad-difensur Taljan ilu ġimgħa magħruf, iżda llum Leonardo Bonucci kien preżentat uffiċjalment bħala plejer ta’ Milan fiċ-Ċina.  Fl-ewwel diskors tiegħu bħala plejer ta’ Milan, Bonucci diġà jidher li hu wieħed mill-punti ta’ riferiment tat-tim fejn qal li għandhom jingħaqdu flimkien u jissieltu biex jirbħu.

L-amministratur delegat ta’ Milan Marco Fassone qal li għalihom Bonnuci hu akkwist straordinarju li riedu b’saħħa. Hu qal li dan it-trasferiment beda b’idea li dehret impossibbli iżda żviluppat wara diskors li sar mad-direttur sportiv Mirabelli.

“Meta taħseb fuq il-Milan, mill-ewwel taħseb fuq l-istorja tal-klabb u mill-plejers kbar li lagħbu b’dan il-flokk. Naħseb f’Baresi, Costacurta, Maldini, Nesta u Tassotti. Nammirahom għal dak li taw lill-futbol u lil dan il-klabb. Jien wasalt issa biex nibda nikteb paġna ġdida fl-istorja ta’ Milan u tal-karriera tiegħi.”

Bonucci tkellem ukoll dwar in-numru li se jkun qed jilgħab bih hekk kif kien hemm polemika żgħira minħabba li wieħed mill-akkwisti Frank Kessie ried in-numru 19 ukoll. It-Taljan qal li tkellem ma’ Kessie hu ddeskriva lill-midfielder bħala raġel sensibbli u intelliġenti. Bonucci qal li għalih in-numru 19 hu importanti għaliex kien bih fil-mument diffiċli fil-ħajja privata u fil-karriera.

Id-difensur qal li s-sapport tal-partitarji ġab fih ħafna entużjażmu u jittama li jtihom lura dan l-appoġġ b’ħafna rebħiet fis-snin li ġejjin. “Il-klabb għamel investimenti kbar f’dan is-suq tat-trasferimenti grazzi għall-viżjoni ta’ Fassone u Mirabelli. Issa hu f’idejna li nibdlu dan l-entużjażmu bir-rebħ. Fil-media soċjali tiegħi ktibt li flimkien nistgħu nirbħu għaliex is-saħħa tal-iskwadra hi kbira,” qal Bonucci.