Knisja

FL-2016: 24 ilment ġdid ta’ allegat abbuż fuq tfal u adulti

Sal-aħħar tal-2016 kien għad hemm 12-il ilment illi kienu għadhom mhux konklużi relatati ma’ abbużi fuq tfal

Matul is-sena li għaddiet kienu tlieta il-persuni illi l-Knisja poġġiet restrizzjoni fuqhom wara ilmenti ta’ abbuż illi ġew sostanzjati. Minn dawn l-ilmeti konklużi, kien hemm qassis djoċesan u persuna lajka illi kellhom ilmenti fil-konfront tagħhom fuq sitwazzjonijiet illi jinvolvu tfal taħt it-18-il sena. Persuna oħra lajka tpoġġiet taħt restrizzjoni wara ilmenti li jinvolvi abbuż fuq adult.

Din l-informazzjoni għall-2016 toħroġ mir-Rapport tas-Safeguarding Commission tal-Kurja – rapport illi ġie preżentat lill-ġurnalisti minn Andrew Azzopardi, li hu l-Kap ta’ din l-istess Kummissjoni. Mir-rapport joħroġ li fl-2016 kien hemm 24 ilment ġdid relatati ma’ akkużi ta’ abbuż.

Sal-aħħar tal-2016 kien għad hemm 12-il ilment illi kienu għadhom mhux konklużi relatati ma’ abbużi fuq tfal. Marbutin ma’ dawn, tpoġġew numru ta’ restrizzjonijiet – 2 fuq qassisin djoċesani, 3 reliġjużi, u persuna lajka.

Ilmenti dwar abbużi fuq adulti kien hemm 10 li għadhom mhux konklużi. Marbutin ma’ dawn, tpoġġiet restrizzjoni fuq saċerdot djoċesan.

Ġie spjegat illi dawn ir-restrizzjonijiet tpoġġew bħala prekawzjoni mill-attivita’ pastorali li kienu jagħmlu.