Iċ-Chairperson tal-grupp tal-Partit Popolari Ewropew fil-Parlament Ewropew Manfred Weber fi stqarrija qal li jinsab imħasseb bl-iżviluppi f’Malta.
Hu kien qed jirreferi għall-mod kif il-Gvern ta’ Joseph Muscat se jkun qed juża l-Pulizija biex jittieħdu passi kriminali kontra l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil talli dan kixef il-korruzzjoni. Il-Pulizija se tkun qed tieħu passi kriminali wara talba miċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru, Keith Schembri.
Fl-istqarrija tiegħu, Manfred Weber qal li l-fatt li ċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru jagħmel kwerela kriminali kontra l-Kap tal-Oppożizzjoni hu sinjal inkwetanti f’dak li għandu x’jaqsam mar-rispett lejn id-demokrazija u s-saltna tad-dritt.
Dwar dan il-każ, tkellem il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil stess, li waqt konferenza tal-aħbarijiet qal li hu se jkompli jiġġieled sakemm f’pajjiżna ssaltan il-ġustizzja u d-demokrazija.
“Jiena mhux se nibża’ mill-attakk faxxist ta’ Joseph Muscat u Keith Schembri. Jekk jaħsbu li bl-azzjoni tagħhom se jbeżżgħuni jew jagħlquli ħalqi, it-tweġiba tiegħi hija li qed ikomplu jsaħħu d-determinazzjoni tiegħi u se nkompli niġġieled għad-demokrazija f’pajjiżna u biex f’pajjiżna terġa’ ssaltan il-ġustizzja”, qal Simon Busuttil lill-media f’konferenza tal-aħbarijiet fil-bini tal-Parlament.
Intant, iċ-Chairman tal-PPE fil-Parlament Ewropew Manfred Weber temm jgħid, fl-istqarrija tiegħu, biex il-Gvern Malti ma jagħmilx azzjonijiet li jaffetwaw id-demokrazija u s-saltna tad-dritt.
Żied jgħid li sadanittant, hu għadu qed jistenna l-kjarifiċi min-naħa tal-Prim Ministru Joseph Muscat dwar l-involviment tiegħu fl-iskandlu tal-Panama.
//= $special ?>