Lokali

Il-Kumitat għall-Kontijiet Pubbliċi mitlub jinvestiga l-ingaġġ tal-ħaddiema fil-Wasteserv

L-Oppożizzjoni għamlet talba biex il-Kumitat Parlamentari għall-Kontijiet Pubbliċi jinvestiga l-ingaġġ tal-ħaddiema fil-Wasteserv.

It-talba saret miż-żewġ membri tal-Oppożizzjoni fil-Kumitat Parlamentari għall-Kontijiet Pubbliċi Kristy Debono u Claudio Grech, kif ukoll mill-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Ambjent Karol Aquilina.

F’ittra uffiċjali li bagħtu liċ-Chairman tal-Kumitat tal-Kontijiet Pubbliċi, il-membri tal-Oppożizzjoni talbu li l-Kumitat jinvestiga kemm daħlu ħaddiema mal-Wasteserv bejn Jannar 2016 u Ġunju 2017.

Jirriżulta, minn rapporti fil-media qabel l-elezzjoni ġenerali mill-ġurnal The Malta Independent, li fil-ġimgħat ta’ qabel l-elezzjoni ddaħħlu tal-anqas 87 ħaddiem ġdid mal-Wasteserv, b’uħud minnhom jibdew jirrappurtaw għax-xogħol saħansitra ġimgħatejn qabel l-elezzjoni ġenerali. Skont l-istess rapporti fil-media, ħafna mill-ħaddiema ġodda kienu ġejjin mid-distrett elettorali ta’ Konrad Mizzi.

It-talba qed issir biex ikun investigat l-ingaġġ ta’ kull tip ta’ ħaddiem mal-Wasteserv fil-perjodu msemmi, fosthom ħaddiema li ddaħħlu b’mod dirett fuq bażi full-time u part-time, ħaddiema li ddaħħlu b’kuntratt ta’ servizz jew għal servizz u ħaddiema li qed jagħmlu xogħol għall-Wasteserv permezz ta’ xi kuntrattur.

Intant, il-membri tal-Oppożizzjoni qed jitolbu lill-Kumitat għall-Kontijiet Pubbliċi biex jifli din il-materja, jitlob id-dokumenti kollha biex u ikun jista’ jinvestiga, iħarrek u jisma’ x-xhieda kollha neċessarji.