Il-kmandant militari Libjan, Khalifa Haftar, li għandu influwenza kbira fil-Lvant tal-Libja u Fayez Seraj, li jmexxi lill-Gvern appoġġjat min-Nazzjonijiet Uniti fi Tripli, għandhom jiltaqgħu, f’Pariġi, mal-President ta’ Franza, Emmanuel Macron. Din il-laqgħa, skont ir-rapporti, għandha ssir fil-25 ta’ Lulju.
Haftar u Seraj, f’Mejju, kellhom taħditiet f’Abu Dhabi li kienu l-ewwel djalogu tagħhom f’aktar minn sena u nofs. Huma, dakinar, trattaw ftehim li sar bil-medjazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti u li l-potenzi tal-Punent jittamaw li jikkonkludi l-ġlied bejn il- milizzji rivali li ddomina l-Libja mill-kroll, fl-2011, tar-reġim immexxi mill-eksdittatur, Muammar Gaddafi.
Il-gazzetta tal-Arabja Sawdija, al-Hayat, ikkwotat sorsi mhumiex identifikati meta qalet li l-laqgħa qed tipprova żżid mal-isforzi diplomatiċi min-naħa tal-Emirati Għarab, in-Nazzjonijiet Uniti u l-Eġittu.
Il-President Macron qal, jiem ilu, li se jkun hemm inizjattivi diplomatiċi konkreti dwar riżoluzzjoni tal-konflitt mill-aktar fis. Hu irid li Franza jkollha rwol akbar biex iġġiegħel il-gruppi Libjani jtemmu l-kaos li permetta biex il-militanti Iżlamiċi jikkonsolidaw kontroll fl-artijiet tal-Libja waqt li t-traffikanti tal-bnedmin ikomplu jmexxu l-immigrazzjoni illegali minn dan il-pajjiż.
//= $special ?>