Basketball Sport

L-ewwel rebħa għaż-żgħażagħ Maltin ta’ taħt l-20 sena f’Diviżjoni B tal-Kampjonat Ewropew

It-tim Malti ta' taħt l-20 sena flimkien mal-kowċis Andrea Paccarie u Ruben Baldacchino

It-tim nazzjonali Malti ta’ taħt l-20 sena kiseb l-ewwel rebħa fil-kampjonat ewropew ta’ taħt l-20 sena ta’ diviżjoni B meta għeleb lil Moldova 96-48. Għat-tim Malti din kienet l-ewwel rebħa f’Diviżjoni fl-ewwel dehra tagħhom. Huma qed jilagħbu dawn il-logħbiet biex jikklassifikaw bejn is-17 u l-21 post.

Dan wara li ż-żgħażagħ Maltin lagħbu fi Grupp Ċ fejn kienu megħluba fl-erba’ logħbiet. It-tim ta’ Andrea Paccarie tilef 92-61 kontra l-Albanija, 90-69 kontra Ġeorġja, 84-65 kontra r-Rumanija u 99-60 kontra l-Maċedonja.

Illum, il-Maltin kienu aħjar mill-avversarji tul il-logħba kollha u rebħu l-erba’ sessjonjiet fejn wara l-ewwel żewġ sessjonijiet kienu 40-21 minn fuq. Huma komplew ikabbru d-distakk biex iddominaw l-aħħar sessjoni u rebħu b’distakk kbir.

Għat-tim Malti spikka Kurt Cassar b’19-il punt, b’Jacob Formosa u Alec Felice Pace jiskorjaw ukoll 18 u 17-il punt rispettivament. Għada ż-żgħażagħ Maltin jilagħbu kontra r-Repubblika tal-Irlanda.