L-eksattur OJ Simpson, li snin ilu sar isem magħruf bħala plejer tal-Futbol Amerikan, qed jiggwadanja minn deċiżjoni biex hu jingħata libertà temporanja qabel jiskadilu s-sentenza tal-ħabs u meta hu diġà impenjat biex iżomm b’mod strett mal-kriterji tad-direttiva.
Simpson, li għandu 70 sena, skonta disa’ snin priġunerija f’ħabs ta’ Nevada u l-bord li rrevedielu l-każ approva li hu jingħata l-ħelsien f’Ottubru. L-eksattur weħel 33 sena priġunerija għal serq armat; aggrediment b’arma tan-nar u għaxar akkużi oħra relatati għal konfront ġo lukanda f’Las Vegas li jmur lura għall-2007.
Fl-1995, OJ Simpson ma nstabx ħati dwar l-omiċidji tal-eksmara tiegħu Nicole Brown Simpson u l-ħabib tagħha, Ron Goldman – liema reati kienu saru fis-sena ta’ qabel.
Intant, hu, fl-2008, kien ikkundannat dwar serqa f’Las Vegas li kienet fallietlu, bir-reat partikulari jseħħ eżattament 13 il-sena wara li hu ġie ddikjarat mhux ħati rigward l-imsemmi omiċidju-doppju, li l-istampa kienet irreferiet għalih bħala ‘ir-reat tas-seklu’.
Meta tkellem matul is-smigħ quddiem il-bord, Simpson qal lill-uffiċjali li l-oġġetti li hu kien seraq minn kamra ta’ lukanda f’Las Vegas, ‘il quddiem kienu dikjarati bħala ‘proprjetà legali tiegħu’. Hu anki ċaħad suġġerimenti li għandu l-problemi bl-alkoħol.
L-attur, imbagħad, irrisponda b’daħka meta l-membri tal-bord staqsewh kif hu jitratta l-attenzjoni tal-media li kieku jingħata l-libertà.
Intant, id-deċiżjoni biex hu joħroġ ħieles żgur li ma niżlitx tajjeb mal-familji ta’ Nicole Brown Simpson u Ron Goldman. Fl-istess ħin, jidher li – irrispettivament mill-verdett tal-1995 – qegħdin jonqsu dejjem aktar is-sostenituri ta’ Simpson li jemmnu li hu kien ‘tassew’ innoċenti mill-omiċidji.
Fil-fatt, l-aħħar stħarriġ dwar l-imsejjaħ ‘verdett tas-seklu’ issuġġerixxa li seba’ fil-mija biss tal-Amerikani, illum, jemmnu li OJ Simpson ‘ma kienx qatel lill-eksmara u seħbitha’. Hu minnu wkoll li l-Bord tal-Kummissarji li deċieda d-destin ta’ OJ Simpson kien irċieva mijiet ta’ ittri ‘favur’ u ‘kontra’ li l-eksattur u plejer tal-futbol jingħata l-parole qabel il-konferma tal-ħelsien tiegħu mill-ħabs.
//= $special ?>