Manchester United rebħu l-ewwel derby tal-istaġun meta fi Houston fl-Istati Uniti għelbu lil Manchester ity 2-0 f’logħba valida mill-International Champions Cup. Rebħa li waslet b’żewġ gowls f’żewġ minuti minn Romelu Lukaku u Marcus Rashford. Lukaku fit-tieni taqsima, laqat ukoll il-lasta.
Għal City għamlu d-debutt mill-ewwel minuta l-akkwisti Ederson u Kyle Walker filwaqt li United lagħbu b’Lukaku bħala l-attakkant prinċipali b’Rashford, Mkhitaryan u Lingard warajh.
Ir-Red Devils resqu qrib fl-ewwel minuti b’xutt minn barra l-kaxxa ta’ Ander Herrera li kien imdawwar f’korner minn Ederson, biex ftit minuti wara, De Gea salva tentattiv fil-baxx ta’ Sterling.
Kien fis-37 minuta li Manchester United fetħu l-iskor meta minn ballun fit-tul ta’ Pogba, Lukaku antiċipa bir-ras lil Ederson li ħareġ b’mod avventuruż barra l-kaxxa, u skorja minn angolu ristrett. Id-difiża ta’ City inqabdet fuq sieq waħda żewġ minuti wara, b’United jiskorjaw it-tieni gowl meta f’kontrattakk veloċi, Mkhitaryan qassam lejn Marcus Rashford li daħal fil-kaxxa u b’xutt djagonali fil-baxx mil-lemin għeleb lil Ederson.
Manchester City pruvaw iwettqu reazzjoni fit-tieni taqsima, iżda kienu United li resqu qrib gowl ieħor b’xutt perikoluż u b’saħħtu ta’ Lukaku li stampa mal-wieqfa.
//= $special ?>