Lokali

Raġel iweġġa’ gravi f’Ħal Qormi

Ambulanza - Ritratt mill-arkivji

Raġel ta’ 68 sena mill-Ħamrun weġġa gravi wara li dalgħodu ntlaqat minn van wara inċident tat-traffiku.

Kien għall-ħabta tas-sebgħa neqsin għoxrin, li l-Pulizija ġew infurmati li kien hemm bżonn l-assistenza tagħhom fi Triq San Bastjan, Ħal Qormi.

Il-Pulizija tad-Distrett marru immedjatament fuq il-post u minn stħarriġ preliminari li sar irriżulta, li vettura tat-tip Kia Avella, misjuqa minn raġel ta’ 69 sena, residenti Ħal Qormi kienet ħabtet ġo van tat-tip Isuzu Elf li kien wieqaf fl-imsemmija triq, bil-konsegwenza li dan tal-aħħar mexa u laqat raġel li dak il-ħin kien bil-wieqfa quddiem l-istess van.

Fuq il-post issejħet l-ambulanza li ħadet lir-raġel li għandu 68 sena u residenti l-Ħamrun, l-isptar Mater Dei għall-kura. Iżjed tard hu ġie ċċertifikat li qed isofri minn ġrieħi gravi.

L-investigazzjoni tal-Pulizija dwar il-każ għadha għaddejja.