Lokali

Se nikxef lil min qed jintimida lill-ħaddiema – Chris Said

Għal ħafna ħaddiema li qed ilaqqtu transfers vendikattivi, u l-familji tagħhom, dan mhux l-aqwa żmien. Ta’ kuljum qed niltaqa’ ma’ ħaddiema li għax huma Nazzjonalisti, jew mhumiex Laburisti tal-qalba, qed isofru minn transfers vendikattivi fuq il-post tax-xogħol tagħhom. Iltqajt ma’ missier ta’ familja li mill-elezzjoni ‘l hawn ingħata 2 transfers vendikattivi. Omm zagħżugħa tpoġġiet f’kamra f’dipartiment mingħajr ma ġiet assenjata xogħol. Impjegata qaltli kif f’dipartiment tas-saħħa partikolari l-atmosfera hi agħar minn każin Laburista. Dan qalu Chris Said, kandidat għal Kap tal-Partit Nazzjonalista.

Fi stqarrija Chris Said qal li minflok uża l-maġġoranza kbira li ġab fl-aħħar elezzjoni, u ta’ qabilha, biex jgħaqqad pajjiż, il-gvern ta’ Joseph Muscat infexx f’dagħdigħa ta’ diskriminazzjoni politika, transfers vendikattivi u intimidazzjoni li tagħmel il-ħajja ta’ min hu onest infern.

Chris Said sejjaħ lil min qed iġarrab din il-vendikazzjoni politika fuq il-post tax-xogħol biex jagħmel kuntatt miegħu. “Bħala kap tal-Partit Nazzjonalista se nkun it-tarka ta’ dawn il-ħaddiema, billi nieqaf lil min qed jipprova jintimidahom. Mill-Oppożizzjoni se nagħmel pubblici l-ismijiet ta’ min qed jintimida l-ħaddiema,” qal Chris Said filwaqt li spjega kif gvern Nazzjonalista mmexxi minnu jinżel b’saħħtu fuq min illum qed jintimida l-ħaddiema u jagħmel ġustizzja mal-vittmi tal-vendikazzjoni politika.

“Qabel tgħaddu minn fuq il-ħaddiema, l-ewwel tridu tgħaddu minn fuqi u minn fuq il-Partit Nazzjonalista,” temmet tgħid l-istqarrija ta’ Chris Said.