Is-sid ta’ Force India Vijay Mallya qal li kien impressjonat bil-prestazzjonijiet ta’ Esteban Ocon fl-ewwel staġun sħiħ fil-Formula 1. Il-Franċiż kien ħa post Nico Hulkenberg fil-bidu ta’ din is-sena wara li kien saq ma’ Manor fit-tieni nofs tal-istaġun li għadda, u kiseb il-punti f’disa’ mill-għaxar tiġrijiet sa issa.
Ocon spiċċa qabel sieħbu Sergio Perez għall-ewwel darba fl-aħħar Grand Prix ta’ Silverstone, u Mallya jistenna li s-sewwieq ta’ 20 sena jitjieb aktar ma jikseb esperjenza.
“Esteban tjieb aktar malajr milli kont qed naħseb u ninsab impressjonat bih. Kellna deċiżjoni diffiċli x’nieħdu fix-xitwa biex nagħżlu s-sewwieq. Kien hemm biss sewwieqa ġodda u naħseb li għamilna l-aħjar għażla,” qal Mallya f’Silverstone.
Hu kompla jgħid li għal persuna li tellaq biss ma’ Manor fl-2016, beda tajjeb mill-ewwel meta kiseb il-punti fl-Awstralja. Mallya qal li hu se jimmatura u jitjieb u aktar ma jġib esperjenza se jsir sewwieqa aħjar għaliex sostna li għandu t-talent.
L-aħjar riżultat ta’ Ocon dan l-istaġun, kien il-ħames post fil-Grand Prix ta’ Spanja f’Mejju filwaqt li s-seba’ post li beda minnu f’Silverstone kien wieħed mill-aħjar fil-karriera tiegħu.
Dawn ir-riżultati għenu lil Force India jitilgħu fir-raba’ post fil-kampjonat tal-kostrutturi b’95 punt, u Mallya qed jimmira aktar fl-għoli għat-tiġrijiet li fadal f’dan l-istaġun.
“Bħalissa ninsabu b’95 punt f’għaxar tiġrijiet u qatt ma kellna dawn il-punti fl-istorja tat-tim. Ninsabu 54 punt fuq l-eqreb tim tagħna l-Williams u qed nikkonsolidaw postna ftit ftit fir-raba’ post,” kompla s-sid tal-Force India.
Mallya qal li mhux qed jaqta’ qalbu li jilħaq lil Red Bull u sostna li hu dejjem tajjeb li tagħmel miri għoljin għaliex tħallihom jisfidaw lilhom infshom. Iżda hu tenna li jekk jispiċċaw ir-raba’ għat-tieni sena konsekuttiva jkun suċċess kredibbli.
//= $special ?>